Civic Club
Is-Civic Club,
soċjeta li twaqqfet f’Jannar ta’ l-1954, tinsab fl-aktar
parti ċentrali tal-Ħamrun ma’ ġenb il-knisja maestuża
tal-Patrun tagħna l-Ħamruniżi San Gejtanu.
Sa mill-bidu din is-Soċjeta kellha l-għan ewlieni tagħha li
tkun waħda soċjali, rikreattiva u edukattiva.
Dan il-club iservi sabiex il-Ħamruniżi jkollhom post fejn
wieħed jista’ jiltaqa' għar- rikreazzjoni f’post li m’hux
marbut ma xi kulur politiku jew bandistiku. Miftuħ għal
kulħadd mingħajr ebda diskriminazzjoni ta’ kulur,
nazzjonalita’ jew twemmin.
Dan il-post ma’ tul dawn is-snin serva bħala lok li fih kien
jiltaqa’ l-Kunsill Ċiviku, wieħed minn ta’ l-ewwel li kien
hawn f’Malta. Dan il-Kunsill kien speċi ta’ Kunsill Lokali
li għandna illum bid-differenza li ma kienx elett mill-poplu
Ħamruniż iżda kien iħaddan fih rappreżentanza mill-Għaqdiet
kollha stabbiliti fil-Ħamrun.
Dan il-post ġie offrut kemm-il darba sabiex iservi ta’ mejda
newtrali fejn jistgħu jiltaqgħu dawk għaqdiet jew individwi
li bejniethom kien ikun hemm xi tilwima jew nuqqas ta’
ftehim. Bosta drabi nżammu fil-lokal taħditiet u laqgħat
reliġjużi, rikreattivi, informattivi, kulturali kif ukoll
mediċi.
Għal xi żmien serva ta’ post fejn dilettanti tal-kitarri u
mandolini kienu jiltaqgħu sabiex jgħaddu ftit ħin ta’
mistrieħ hemm waqt li jipprattikaw id-delizzju tagħhom.
Fl-isport dan il-Klabb Ċiviku għamel bosta suċċessi. Kellu
wieħed mill-aqwa teamijiet tal-football tad-dilettanti li
isimhom kien il-‘Ħamrun Eagles’.
Għadd ta’ unuri oħra ma’ tul is-snin inrebbħu bit-teamijiet
tal-biljard u tad-darts.
Fi żmienna dan il-klabb iservi ukoll bħala s-sedja ta’ xi
għaqdiet oħra fosthom l- R.A.F.A. - Royal Air Force
Association li hi għaqda ta’ ex service men ta’ Royal Air
Force. Tiltaqa’ fih ukoll il-Fondazzjoni Dun Nerik f’ġieh
il-maħbub u qatt minsi il-Kappillan Monsinjur Dun Nerik
Cordina. Peress li kien Kappillan maħbub u r-rrispettat minn
kulħadd li baqa’ msemmi għal ħidmietu fil-parroċċa, l-aktar
għall-ġid kbir spiritwali u materjali li wettaq fil-Ħamrun.
Kien ukoll strumentali sabiex inbniet il-ġmiel ta’ koppla li
għandha l-knisja San Gejtanu.
Ma’ tul dawn l-54 sena li ilha mwaqqfa din is-soċjeta’
kellha bħala Presidenti lill dawn is-Sinjuri, Anġlu
Farrugia, Joseph Tabone, Paul Peter Sultana u l-President
attwali, Gaetano Cristina. |