|
Monumenti
Musulew
Spencer
Monument ta’ Fra Diegu
Monument ta’ Dr. Anton Buttigieg,
LL.D
Monument tal-Millennju
Monument Oreste Chircop
Monument Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ
Monument ta’ Salvinu Spiteri
Monument tat-Tromba
Obelisk |
|
Musulew Spencer
Dan il-mafkar twaqqaf fl-1830
mill-fregata Ingliża ‘Madagascar’ f’ġieh il-kaptan tagħha
Sir Robert Cavendish Spencer li kien miet Lixandra.
Il-kitba li hemm fuqu tgħid li Spencer miet fuq il-vapur
f’Lixandra fl-4 ta’ Novembru, 1830 u ġie midfun il-Belt
fit-12 ta’ Diċembru. Sħabu waqqfu dan il-monument b’forma ta’
mawsulew għoli ħafna f’Marzu ta’ l-1893 li tneħħa mill-Għolja
ta’ Kordin fejn kien qabel u tqiegħed fejn hu llum f’April
ta’ l-istess sena.
Dan il-monument tħażżeż mill-pittur u arkitett Giorgio
Pullicino. Fil-proġett tal-‘fly-over’ tal-Blata l-Bajda, dan
il-musulew sab ruħu fin-nofs bla ma nħatt, kontra dak li
ħasbu xi wħud. F’Ottubru ta’ l-1975 sajjetta laqtet il-parti
tiegħu ta’ fuq u ġarrfitha.
Dan il-monument fl-1998 ġie restawrat minn Mizzi
Organisation billi fil-gwerra kellu xi daqqiet fih ta’
splinters tal-bombi li waqgħu ħdejh. Ix-xogħol tiegħu nbeda
nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Diċembru, 1997, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill
Lokali tal-Ħamrun.
Preżenti kien hemm il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, is-Sur
Evarist Bartolo, Dr Peter Attard, is-Sindku tal-Ħamrun u d-Direttur
ta’ Mizzi Organisation.
|
|
Monument ta’ Fra Diegu
Fil-16 ta’ Ottubru,
1932, ġie inawgurat monument f’Misraħ San Pawl lil
Fra Diegu – bniedem kbir f’qalbu, ħanin, karitattiv
u li meta miet, Malta kollha bkietu. Bit-tħabrik
tiegħu kien sar l-istitut li għadu sa llum iġib ismu.
Għall-ħabta ta’ l-4 ta’ wara nofs inhar bdew
jinġabru l-Ministri, Senaturi, Deputati
tal-Parlament, rappreżentanti tal-Kleru u t-tfal ta’
l-istess istitut. Wara ftit wasal l-Arċisqof u deher
ukoll il-Gvernatur li kixef l-istatwa. Fost folla
kbira ta’ nies, il-President tal-Qorti, Sir Arturo
Mercieca, niseġ kelmtejn għal-okkażjoni u l-banda
San Ġużepp daqqet innu miktub apposta mis-Surmast
C.Camilleri. Il-monument sar mill-iskultur Vincent
Apap, u biex tqiegħed f’postu kellhom itellgħu
pilastri minn taħt il-pjazza billi taħtu hemm għar
kbir. |
|
Monument ta’ Dr. Anton Buttigieg, LL.D
Fil-5 ta’ Mejju, 1985,
il-Prim Ministru, Dr Karmenu Mifsud Bonnici, LL.D.,
kixef uffiċjalment il-monument li twaqqaf f’ġieh Dr.
Anton Buttigieg, LL.D., ex-President tar-Repubblika
ta’ Malta, avukat, Membru tal-Parlament, u poeta.
Huwa twieled fil-Għarb, Għawdex, imma għadda l-biċċa
l-kbira ta’ ħajtu fil-Ħamrun fejn kien President
tal-Każin tal-Mużika San Gejtanu. Dan il- monument
ħadmu l-iskultur Anton Agius u sar
bil-kontribuzzjoni pubblika. L-iskultur Agius lesta
l-abbozz tal-ġibs u d-Ditta Luigi Tommasi ta’ Del
Chiaro Maddimo ta’ Pietrasanta, Lucca, l-Italja,
ħadmitu fil-bronż. Waqt li Ugo Mizzi, ħaten l-istess
Dr. Anton Buttigieg li kien inkarigat mit-tmexxija
ta’ dan il-monument kien l-Italja qiegħed
jissorvelja x-xogħol, ħassu ħazin u miet. Huwa
tbierek mill-Kappillan Dun Ġużepp Pace, kappillan
tal-parroċċa San Gejtanu, il-Ħamrun, u fil-preżenza
ta’ wlied Dr Buttigieg, tal-Ministri tal-Kabinett,
Dr Eddie Fenech Adami, Kap tal-Partit Nazzjonalista,
Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti
u preżenti kien hemm ukoll Sir Anthony Mamo, l-ewwel
President tar-Repubblika. Il-kopja oriġinali
tal-ġibs illum tinsab merfugħa fil-Mużew
tal-Politika fil-Birgu. |
|
Monument tal-Millennju
F’Misraħ San Pawl insibu plier imqassam fuq tliet
lati - wieħed ogħla mill-ieħor u f’nofshom imwaħħla
pjanta tal-Ħamrun tal-bronż. Dan jindika li l-Ħamrun
daħal fit-Tielet Millennju.
Il-monument hu xogħol l-iskultur u marmista Ronnie
Pisan i u f’nofsu jinqara dan il-Kliem:
“Il-poplu Ħamruniż
Ifakkar l-ewwel seklu sħiħ
Ta’ ħidmietu
U jħares b’fiduċja lejn il-ġejjieni
Illum fis-sebħ tat-Tielet Millennju
1 ta’ Jannar, 2000.”
Huwa ġie inawgurat
mill-Viċi Sindku Dr Paula Mifsud Bonnici, LL.D. u
tbierek mill-Kappillan Dun Pawl Fenech. |
|
Monument Oreste Chircop
Il-Ġimgħa, 26 ta’ Mejju, 2000,
ġie inawgurat monument f’ġieh il-magħruf tenur Oreste
Chircop f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu li ġrat fl-10
ta’ Mejju, 1998.
Inawgurawh il-Ministru Dr Austin Gatt u s-Sindku s-Sur Joe
Zammit Cordina. Il-bust inħadem fil-bronż gratis mill-iskultur
Anton Aguis, u tqiegħed fuq pedistall fil-ġnien li ssemma
wkoll ‘Ġnien Oreste Chircop’. Għal din l-okkażjoni saret
serata fil-pubbliku fejn kien se jiġi inawgurat li għalih
attendew il-mara, it-tfal u ħut il-mejjet. |
|
Monument Jum Internazzjonali
taż-Żgħażagħ
Ftit ‘il bogħod
mill-monument ta’ Spencer insibu ieħor ċkejken,
magħmul biex ifakkar il- Jum Internazzjonali
taż-Żgħażagħ. Il-kitba tgħid hekk:
“Sena Internazzjonali
taż-Żgħażagħ
miż-żgħażagħ kollha
f’jum l-Inkapaċitati
17-3-1985.”
|
|
Monument ta’ Salvinu
Spiteri
Nhar is-Sibt, 29 ta’ Settembru, 2001, il-President
ta’ Malta, il-Prof. Dr Guido de Marco, inawgura
l-monument ta’ Salvinu Spiteri li kien il-fundatur
ta’ l-Unjoni Ħaddiema Magħqudin fl-1996 flimkien ma’
Maurice Aguis. Huwa serva ta’ President ta’ din l-Unjoni
għal tletin sena u baqa’ bħala President tal-
Konfederazzjoni tan-Negozjanti Maltin.
Tkellem ukoll Gejtu Tanti, il-President ta’ l-U.Ħ.M.,
fejn wera l-kwalitajiet sbieħ ta’ Salvinu Spiteri.
Il-monument, li juri l-bust ta’ din il-persuna,
għandu din il-kitba li tgħid hekk:
“SALVINU SPITERI
1926-1996
L-ewwel President
u
Fundatur
Unjoni Ħaddiema Magħqudin”.
|
|
Monument tat-Tromba
L-Akwadott
li nbena fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, kellu
l-għan li jwassal l-ilma lejn il-Belt Valletta. Fi
triqtu lejn il-belt il-ġdida dan kellu jgħaddi mill-Ħamrun.
L-ilma li kien jibda ġej mir-Rabat kien jgħaddi minn
Ħ’Attard jgħaddi mit-turretta ta’ San Ġużepp (dik li
hemm f’Santa Venera, fil-bidu ta’ l-arkati), jibqa’
nieżel b’qawwa u jferra’ ġewwa torri mdaqqas
f’għamla tonda li qiegħed fit-tarf ta’ Triq San
Gejtanu; għad illi din il-għolja, daqs mitt sena ilu
kienu jsejħulha ‘Ta’ Atoċja’”flok, kif kienu
jsejħula xi wħud, ‘Ta’ San Nikola’. F’dan it-torri
nsibu ingastata biċċa ġebla tal-qawwi b’dan il-kliem
fuqha:
"Kif
fl-ilma hemm il-ħajja
Hekk il-ħajja bdiet mill-ilma"
|
|
Monument ta’ l-Obelisk
Bil-għan li forsi nqajjem xi ftit kuxjenza Ħamruniża, se
nġib hawn ftit fatti dwar l-obelisk li jinsab fil-Ħamrun li
ftit huma li qatt rawh għajr il-ġirien li jarawh quddiemhom,
bla ma forsi jafu dik il-massa ġebel x’inhi. Jafu biss li hu
xi monument, għaliex fil-għamla tiegħu jindika li hu xi ħaġa
ta’ min iħares lejh.
Mela, missieri fi ċkunitu kien joqgħod x’imkien
Strada San Gejtanu u jien kont dejjem nisemgħu jgħid
li fil-bitħa ta’ Ġanni l-mastrudaxxa hemm monument.
Pero’ dan qatt ma kien jaf jgħid dak il-monument
x’kien, l-ewwel forsi għaliex ma kienx jinteressah u
t-tieni għaliex dan Ġanni kien jaħbat fi Strada San
Giovanni u kien jiġi dar ma’ dar ma’ fejn kien
joqgħod missieri fi tfulitu. Meta għadda ż-żmien u
missieri mar joqgħod fi Strada San Giovanni fejn
twelidt jiena fin-numru 1 (illum dan il-bieb ma
għadux jeżisti għaliex ġie inkorporat ma’ dar oħra)
isem dan il-monument baqa’ impressjonat f’moħħi
sakemm meta ġejt biex nikteb l-istorja tal-Ħamrun u
qbadt niġbor il-materjal.
Aktar >> |
|
|