|
Storja
Il-Ħamrun
huwa wieħed mis-subborgi li nsibu fil-gżejjer Maltin xi żewġ
mili (2.25km) biss ‘il bogħod mill-Belt Valletta. Jinsab
mibni fuq art watja, mħattba kemmxejn lejn in-naħa Tas-Samra.
It-toroq tal-Ħamrun huma ta’ wisa’ normali u dritti bla
tgħawwiġ, tneħħi xi żewġ toroq dojoq li jinsabu ‘l isfel
mill-Għassa tal-Pulizija. Il-Ħamrun ittieħed minn tliet
parroċċi, dik ta’ Ħal Qormi, ta’ Birkirkara u tal-Furjana.
Il-limiti tal-Ħamrun kienu wisq mifruxa milli huma illum,
iżda meta Santa Venera u l-Marsa saru parroċċi dawn ħadu
parti sewwa mill-Ħamrun. Il-motto tal-Ħamrun huwa ‘Propera”Augesco’”li
jfisser ‘Dlonk Nikber’. Dan is-subborg dam żmien twil biex
stabbilixxa ruħu imma wara kiber u żviluppa f’daqqa u sar
magħruf bħala l-Ħamrun kif nafu.
Illum ma għadux dak ta’ li kien sittin jew sebgħin sena ilu
billi bil-progress li għadda minnu b’ħeffa kbira, sar
jħabbatha mal-Belt Valletta. Fih insibu ħwienet ta’ lussu u
ta’ ġeneri oħra li għamlu lill-abitanti tiegħu jgħixu
fil-kumdita’ ta darhom mingħajr il-ħtieġa li jmorru ‘il
bogħod għall-ħtiġijiet ta’ kuljum fil-ħajja.
Qabel, il-Ħamrun l-isem li nafu bih illum kien jissejjaħ
‘Casale San Giuseppe’ - raħal San Ġużepp - għall-Knisja ta’
San Ġużepp li kienet tinsab fin-naħa ta’ fuq tat-triq l-ewlenija
li għadha sa illum iġġib l-istess isem u baqa’ magħruf hekk
sas-sena 1888, iżda minħabba diżgwid li beda jinħass dak
iż-żmien, liema hu l-vera isem ta’ dan is-subborg jekk hux
San Ġużepp jew il-Ħamrun, li kien l-aktar magħruf man-nies,
indaħal il-Gvern u għażel ‘Il-Ħamrun’ bħala l-isem uffiċjali
għal għadd ta’ raġuni, l-aktar billi l-isem San Ġużepp kien
beda jinqata’ minn fuq ilsien in-nies.
Jingħadu
żewġ verżjonijiet dwar kif bdiet il-kelma ‘Ħamrun’. L-ewwel
waħda hi, kif jħidu uħud, li l-isem ġej mill-kelma ‘ħamrija’
billi kienet ħamra u minn ‘ħamrija’ saret “Ħamrun. Il-verżjoni
l-oħra li milli jidher qablu magħha bosta, kienet illi l-isem
“Ħamrun” huwa laqam ta’ familja li kienet toqgħod fil-qalba
ta’ Triq Irjali San Ġużepp. Il-laqam ta’ din il-familja, li
għadu jeżisti fil-Ħamrun, huwa l-istess wieħed li jġib dan
is-subborg. Dan il-laqam kien ta’ ċertu Ġamri Żammit
mill-Belt li kellu ħanut ta’ tverna fejn illum hemm l-ex
Hollywood Theatre. Iż-żewġ tifsiriet jistgħu jiġu aċċettati
minħabba l-fatt li waħda, tal-‘Ħamrija’ insibuha imniżżla
hekk bħala l-isem tal-post fil-fondazzjoni ta’ de Vilhena
f’dak iż-żmien, waqt li l-oħra taqbel ħafna mal-laqam
tal-‘Ħamruni’.
L-arma tal-Ħamrun hija tarka ħamra fuq sfond abjad.
Il-Ħamrun, għalkemm kif ġa għedna dam ħafna ma’ żviluppa
ħdejn postijiet oħra, xorta għandu storja interessanti li
tmur lura ħafna u ħafna żmien. Fil-fatt fil-Ħamrun insibu
anke oqbra imħaffra ġol-blat u oqbra ta’ żmien ir-Rumani. Fi
żmien il-Kavallieri parti mill-Ħamrun kienet isservi bħala
mħażen ta’ l-Ordni Ġerosolmitan fejn kienu jżommu depożiti
tal-kubrit u l-porvli. Insibu ukoll diversi palazzi fosthom
fit-Triq Irjali San Ġużepp u anke f’inħawi ta’ tas-Samra
fejn jingħad li kellu wieħed il-Gran Mastru De Rohan. Il-Ħamrun
ukoll insibu torri tond li fih kien jinġabar l-ilma ta’ l-Akwedott
li minn Ħ’Attard kien iwassal l-ilma fil-Belt Valletta. Dan
jinsab fi Triq San Ġejtanu li kien sar fl-1780 mil-Gran
Mastru De Rohan. Ħaġa
interessanti hija li fit-torri insibu kitba fuq ġebla
tal-qawwi li tgħid: ‘Kif fl-ilma hemm il-ħajja hekk il-ħajja
bdiet mil-ilma’. Fi żmien l-imblokk Franċiż, il-Ħamrun serva
ta’ pont importanti minħabba li l-għolja tas-Samra kienet
intużat bħala fortizza mill-Maltin biex ikeċċu l-Franċiżi,
billi hawn tinsab l-eqreb għolja tal-Belt Valletta. Fi żmien
il-Gwerra l-Kbira, il-Ħamrun ukoll ta s-sehem tiegħu billi
laqa’ fih il-ħafna nies li ġew jistkennu fih mil-qilla
tal-għadu. Tifkira ta’ dak iż-żmien ukoll insibu bosta
xelters fejn in-nies kienu joqgħodu waqt l-attakki mil-ajru.
Bosta bini fil-Ħamrun tul dak iż-żmien bidlu l-funzjoni
tagħhom. Kien hemm minnhom li spiċċaw qorti u anke
sptarijiet. Meta fit-28 ta’ Frar, 1883, ġiet inawgura-ta l-ferrovija
mill-Gvernatur Borton, stazzjon minnhom kien ġewwa l-Ħamrun,
illum f’dan il-bini insibu il-magna tal-ħalib u l-iscouts
tal-Ħamrun. Żmien ta’ importanza ieħor fil-Ħamrun kien
iż-żmien meta f’Malta daħlu is-swali ċinematografiċi jew
iċ-ċinema. Fil-fatt insibu għadd ta’ postijiet li għamlu
isem kbir f’dan il-qasam ftit taż-żmien bħal ma kienu
l-Hollywood, Radio City, San Remo, Odeon u oħrajn.
Sfortunatament ħafna mil-bini li kienu jintużaw bħala ċinema
illum twaqqgħu biex jagħmlu wisa’ għal-bini ġdid.
Illum il-Ħamrun sar ċentru kummerċjali fejn hemm bosta
ħwienet u li fih insibu ukoll Kwartieri Ġenerali ta’ diversi
għaqdiet u Partiti Politiċi. Il-Ħamrun huwa magħruf ukoll
fil-qasam sportiv fejn ħa ħafna unuri f’bosta sport
differenti. Meta jissemma l-Ħamrun ma jistax ma tissemmiex
il-mużika billi hawn tliet każini tal-banda.
Il-Qaddis San Gejtanu huwa sinonimu mal-Ħamrun, fejn apparti
id-devozzjoni li l-Ħamruniżi għandhom lejh, tiġi ċelebrata
waħda mill-akbar festi f’Malta li għaliha jattendu ħafna
nies biex jaraw l-marċi brijuzi kbar li jsiru. Fil-Ħamrun
għex u għallem il-kelma t’Alla l-ewwel Qaddis Malti, San
Ġorġ Preca li ħalla ġid kbir warajh kemm bit-tagħlim u kemm
bis-soċjeta’ tad-Duttrina li waqqaf fil-Ħamrun li wara
xterded ma’ Malta kollha u anke ġo pajjiżi barranin. |
|
‘Palazzo Blacas’
Minn Alfie Guillaumier
Dak l-istitut li hemm f’Misraħ San Pawl, il-Ħamrun, li aħna
konna mdorrijin insejħulu bħala ‘Tax-Xjuħ’, fil-fatt ismu
propju huwa Little Sisters of the Poor. Dan l-aħħar neża’ l-libsa
li kellu qabel u libes libsa oħra ġdida. Sa ftit ilu kont
tidħol fih u ssib ruħek ġo bitħa mdaqqsa, arjuża u komda.
Id-diriġenti tat-tmexxija tiegħu bdew iħossu li għad-domanda
kbira li kellhom minn anzjani biex jidħlu fih kienet kbira
tassew, meta fil-fatt kien hemm fiha ħafna spazju żejjed li
seta’ jiġi utilizzat.ż
Imma l-għan ta’ din il-kitba mhux l-istitut, imma biċċa bini
li tinsab fi Triq Irjali San Ġużepp li tagħmel parti minn
dan l-istitut. Illum nistgħu ngħidu li nqata’ għal kollox
mill-bqija tal-bini, għalkemm għadu jagħmel parti minnu
wkoll. Dan il-bini li mad-daqqa t’għajn tintebaħ li huwa
qadim, u minħabba l-qedem tiegħu ma setax jitwaqqa’. Dan
huwa l-uniku bini li baqa’ wieqaf mill-istitut kollu. X’
inhu l-oriġini tiegħu?
Dan il-bini huwa magħruf bħala Palazzo Blacas. Kien bnieh
il-Balliju Antoine-Francois de Blacas d’Aups bħala r-residenza
tiegħu tal-kampanja. Il-palazz oriġinali ma kienx eżatt kif
nafuh illum, imma kien ħafna akbar. Ngħidu aħna kellu parti
minnu li kienet twassal sa nofs Misraħ San Pawl. Dan l-imbierek
Kavallier kien bniedem iħobb il-botanika għaliex il-ġnien li
kellu jmiss miegħu kien estensiv tassew. Huwa kien iwassal
żgur sa Triq Villambrosa, imma fil-ġenb tiegħu kien jinkludi
wkoll fejn hemm il-fabbrika tal-ħalib u l-iScouts. Fih kien
hemm għadd kbir ta’ siġar, funtani u annimali. Jiena kien
irnexxieli nara pjanti kbar tiegħu. Meta l-Ingliżi ħadu l-pussess
tal-gżejjer tagħna, huma ġiegħlu li ssir pjanta ta’ kull
biċċa bini li kienu ħallew warajhom il-Kavallieri (inventarju).
Kienu għamlu bħal Kabrew tal-propjeta’ kollha li
kellhom il-Kavallieri. Kienu tpinġew b’kulur sepja - tpinġew
mill-faċċata, mill-ġenb, mill-għoli u minn kull naħa li
wieħed seta’ japprezzahom.
De Blacas twieled fl-1698 fi Provence u miet fl-1777 fl-eta’
ta’ 79 sena u ndifen f’ San Ġwann ma’ Kavallieri oħrajn.
Fil-kappella ta’ Provence wieħed għadu jista’ jara l-lapida
ta’ qabru. Kien bniedem ta’ kultura li għadda ħajtu,
minbarra l-missjoni tiegħu ta’ Kaptan tax-Xwieni, fl-istudju
botaniku li kien jipprattika f’ Casale San Giuseppe -
jiġifieri, il-Ħamrun.
Skond ma naqraw fil-ktieb tal-ħabib tiegħi Dr. Carmel Testa,
‘Wara l-Ħitan tas-Swar’, fl-imblokk tal-Franċiżi ġo dan
il-palazz kien inqatel Franċiż. Ma nistagħġibx li f’dawk
iż-żminijiet ta’ taqlib li seħħ dak il-qtil. Hawn se nġib
dak li kiteb Dr. Testa dwar dan il-kavallier :-
‘L-Ex-Kavallier Jean Marie Bosredon Vatanges, li kien
joqgħod f’dar sabiħa bil-ġnien fejn illum hemm il-Little
Sisters of the Poor fil-pjazza tal-Ħamrun, inqatel u ġie
midfun fil-ġnien ta’ dik id-dar li isimha kien ‘Casa Placas’.
Din id-dar bil-ġnien magħha kienet b’ċens temporanju għand
Teresa Dou u Vantanges kien ilu joqgħod hemm tmien snin.
Meta bdiet ir-rewwixta, is-suldati Maltin tal-kamp tas-Samra
marru joqgħodu f’Casa Placas u kissru u għamlu ħsarat kbar
f’dak il-lokal.’
Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh, li fejn illum hemm
il-pjazza, kien tagħmel mal-ġnien tiegħu. Il-parti tal-bini
li kienet tinsab fil-faċċata, billi kellu għamla ta’ ‘L’,
maż-żmien inkriet lill-privat; in-naħa ta’ isfel inkriet
kollha ħwienet u ta’ fuq lill-familji. Imma dawn maż-żmien
intelqu, saru żdingati tant li naturalment il-gvern
waqqagħhom u b’riħet hekk saret il-pjazza li naraw illum.
Imma l-parti maġġura tal-palazz għadha hemm biex inkunu
nistgħu ingawduha aħna. Fl-isqaq li hemm wara l-istitut kien
għad hemm sa ftit snin ilu funtana u xi bini li kien ingħata
lill-privat. Dawn twaqqgħu u minflokhom saru xi garaxxijiet.
Dan il-palazz ma’ tul iż-żminijiet, għadda minn bosta tibdil
strutturali intern - saru turġien, soqfa ġodda, infetħu
bibien u ngħalqu oħra, dan dejjem skond il-ħtieġa
tal-kommunita’ tas-sorijiet. Illum dan kollu qiegħed jiġi
rranġat għall-istat pristinu tiegħu. Meta dan l-aħħar
irnexxieli nżuru waqt ir-restawr tiegħu, rajt xi kwalita’ ta’
bini kien mibni bih. Ma kellu ebda travu biex fuqhom
jistrieħu x-xorok, imma s-soqfa kienu jitilgħu mill-irkejjen
u jingħaqdu fin-nofs bil-ħnejjiet bħal tal-knejjes. Il-ħitan
huma xi ħames piedi wiesgħa u x-xogħol huwa wieħed fin
tassew.
Mill-artijiet li kellu madwaru l-Palazz, ittieħdet biċċa
mill-intrapriża tal-Ħalib u biċċa mill-ferrovija, spazju li
għadna nistgħu narawh sa llum. Dan il-palazz li n-nies
laqqmitu ‘Ta’ Fracass’, forsi għax ma kienetx taf tip
pronunzja kunjom dan il-kavallier, is-Sorijiet fl-1887 xtraw
mingħand il-Gvern l-art u l-palazz li naraw illum għas-somma
ta’ elf, ħames mija u tlieta u tletin lira Ingliżi - somma
li għal dak iż-żmien kienet kbira.
Hija l-intenzjoni tiegħi li nħajjar lill-Kunsill Lokali
jwaħħal lapida li turi l-identita’ ta’ dak il-palazz. Għax
ngħiduha kif inhi, kemm hawn nies li jafu l-istorja ta’ dik
il-biċċa bini li n-nies kienet drat issejjaħlu “Tax-Xjuħ”. |
|