|
Nies Ta' Isem
Anton Buttiġieġ
Oreste Kirkop
San Ġorġ Preca
Joseph Abela Scolaro
Gugliemo Bonanno
Egidio Lapira
Lewis Portelli
Dun
Frans Camillieri
Willie Attard |
|
Anton Buttiġieġ
Anton Buttigieg twieled il-Qala Għawdex, fid-19 ta’
Frar, 1912, it-tielet wlied ta’ Savior Buttigieg u
Conċetta Falzon. Huwa tgħallem fl-iskola primarja
tal-Gvern fil-Qala, fis-Seminarju ta’ Għawdex u
fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi B’kara. Sa minn ċkunitu
Anton deher li ħa jkun persuna intelliġenti ħafna,
umli u jħobb jgħin lil kullħadd.
Meta għadda mill-eżami tal-matrikola, wera x-xewqa
li jidħol l-universita’ biex jistudja għal-avukat,
iżda l-ġenituri tiegħu xtaquħ li jkompli jistudja
għal qassis, kif fil fatt għamel. Maż-żmien ħass li
ma kienx imsejjaħ għall-qassis u ddeċieda li jitlaq
mill-kors tas-saċerdozju u jaqbad il-linja għal
avukat kif dejjem xtaq. Waqt li kien student fl-Universita’,
Anton kien attiv ferm. Hu kien wieħed mill-membri
fundaturi fl-1931 ta’ l-Għaqda tal-Malti flimkien
ma’ Ġuże’ Bonnici u Ruzar Briffa. Kien ukoll wieħed
min tal-bidu fl-Għaqda Letterarja ta’ l-Ingliż u s-Societa
Universitaria di Letteratura Italiana.
Anton Buttigieg laħaq nutar pubbliku fl-1939 u ħa l-lauria
ta’ avukat fis-sena ta wara. Hu ħadem ukoll bħala
Fizzjal fil-Korp tal-Pulizija u kien stazzjonat
fil-Ħamrun, dan anke matul it-tieni Gwerra Dinjija.
Għamel żmien ukoll jaħdem bħala ġurnalist mat-Times
of Malta. Fl-1955 inħatar Aġent Maġistrat. Minħabba
li kienet tinteressaħ il-politika, huwa ikkontesta
mal-Partit tal-Ħaddiema fl-1955 fejn baqa’ jiġi
elett sas-sena 1976. Dr Buttigieg kien ukoll
President ta’ Għaqda Mużikali Banda San Gejtanu
sakemm miet.
Anton iżżewweġ tlett darbiet, wara l-ewwel mara,
Carmen Bezzina li minna kellu tlett it-tfal --- Dr
John Buttigieg, Rose Brincat u Dr Emmanuel Buttigieg
--- iżżewweġ lil Connie Scicluna li bħal mara ta’
qabel mietet din id-darba b’inċident tat-traffiku
ġewwa Londra. Huwa reġa’ żżewweġ din id-darba lill
Margery Helen. Fil-poeżija tiegħu tidher ċara ż-żminijiet
diffiċli li għadda minnhom tul ħajtu.
Huwa nħatar President tar-Repubblika ta’ Malta
mill-1976 sa l- 1981. Tul kemm dam President, huwa
dejjem saħaq biex il-poplu jkun magħqud u jgħix
fis-sliem, kien ukoll fid-diskors tiegħu idaħħal
siltiet politiċi li kien tant iħobb.
Anton rebbaħ bosta premjijiet fil-poeżija u
fil-letteratura, u jibqa’ jiġi mfakkar bħala l-poeta
tan-natura’. Xogħlijiet li nsibu tiegħu u li ġew
ippublikati nsibu Żibeġ u Boċċi, mill-Gallarija ta’
Żgħożiti, Fanali bil-Lejl, Ejjew nidħqu ftit, Ejjew
nidħqu ftit ieħor, Qasba mar-Riħ, il-Muża bil-Kimono,
Fl-Arena u Balletti Maltin.
Anton Buttigieg miet nhar il-5 ta’ Mejju 1983, fejn
kellu funeral statali u jinsab midfun fiċ-ċimiterju
ta’ Addolorata. Fil-Ħamrun, in-naħa tal-Blata l-Bajda
insibu monument tiegħu li ġie inawgurat fil-5 ta’
Mejju 1985 sentejn wara l-mewt tiegħu. |
|
Oreste Kirkop
Oreste Kirkop twieled il-Ħamrun fis-26 ta’ Ġunju
1923 u miet fl-10 ta’ Mejju 1998. Huwa rnexxielu
jsir l-ewwel tenur Malti li kien jieħu partijiet
prinċipali ma’ diversi kumpaniji barranin kif ukoll
għamel performances ‘live’ tajbin ħafna fi bliet u
teatri kbar quddiem eluf ta nies. Oreste ġie mfaħħar
anke minn Harold Rosenthal kritiku kbir tal-mużika
għal leħen u karriera brillanti li kellu.
L-ewwel debutt tiegħu kien fir-Radio City Opera
House fil-Ħamrun fl-opra ‘Cavalleria Risticane’.
F’ħames snin ħa sehem madwar sittin darba fejn
dejjem kien f’role prinċipali.u b’hekk sar l-iktar
Malti li ħa sehem f’Opri. Bejn l-1949 u l-1950 ħa
sehem f’kunċert ma’ Tito Gobbi u Maria Caniglia meta
mbagħad telaq ifittex karriera barra min Malta.
Huwa beda bħala tenur prinċipali fir-Royal Opera
House Convent Garden fl-Londra. Fl-1950 ġie magħżul
mil-BBC biex jippreżenta l-Malta fil- ‘Coronation
Commonwealth Gala’.Kemm- il darba ġie mistieden biex
juri t-talent kbir li kellu fil-Hollywood Bowl
Concerts f’Los Angeles, U.S.A. Oreste Kirkop ħadem
ukoll bħala role prinċipali fil-Hollywood musical
film ‘ The Vagabond King’. Min hemm hu kompla dejjem
bħala tenur prinċipali f’NBC Opera Company New York
fejn fl-istess ħin għamel diversi tours fi bliet
kbar ġewwa l-Amerka u deher bosta drabi fi programmi
televiżivi. Hu ħa sehem ukoll fil-First Figoletto
fuq it-televiżion. Wara bosta suċċessi kbar, fl-1960
Oreste Kirkop irritorna lejn Malta.
Fl-1979 ir-Radju ta’ l-istat Malti rebbaħ
kompetizzjoni internazzjonali dwar il-karriera ta’
Kirkop fil-Portrait of a Prominent Performing
Artist. Oreste ġie ukoll onorat bil-midalja tad-deheb
mill-Malta Society of Arts, Manufacture and Commerce |
|
San Ġorġ Preca
San Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta, fit-12 ta’
Frar fl-1880. Meta kien żgħir il-familja tiegħu ġew
joqgħodu l-Ħamrun fejn qatta ħajtu jgħallem, u
jwassal il-kelma ta’ Alla lin-nies. Huwa studja
il-Liċeo u fis-Seminarju..Fil-Knisja San Gejtanu,
il-qaddis li tant kien iħobb, għamel il-Griżma ta’
l-Isqof, kif ukoll qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu
hemmhekk fil-25 ta’ Diċembru 1906.
San Ġorġ Preca ma kellux ħajja faċli, fil-fatt waqt
li kien għadu djaknu marad serjament fejn anke t-tabib
tiegħu ma kellux fiduċja li qatt seta’ jfiq. Imma l-Missier
divin kellu fehma oħra dwaru. Bl-interċessjoni ta’
San Ġużepp, Preca fieq u min hemm seta’ jwettaq
il-missjoni tiegħu li jgħallem l-għeruq sodi
tal-Knisja minħabba li kien hawn nuqqas kbir ta’
tagħlim dak iż-żminijiet. Għal bidu il-ħsieb tiegħu
kien li jwaqqaf soċjeta’ ta’ djakni permanenti ħalli
jgħinu lil-isqfijiet fil-formazzjoni nisranija bit-tagħlim.
Pero’ il-ġid li għamel Preca kellu jkun b’mod
differeni; hu irnexxilu jgħaqqad grupp ta’ żgħażagħ
fejn kien jagħlimhom il-kelma ta’ Alla biex imabgħad
huma jkunu jistgħu jgħallmu lill-oħrajn. Is-soċjeta’
li waqqaf semmewha MUSEUM li bil-Latin tfisser ‘
Magister Utinam Sequator Evangelium Universus Mundus’
--- li tfisser “Mgħallem, mhux li kien id-dinja
kollha timxi wara l-evanġelju.” Il-bidu ta’ din is-Soċjeta
kien fl-ewwel xhur ta’ l-1907.
L-ewwel Mużew li nfetaħ, kien fin-numru 6 Triq Fra
Diegu il-Ħamrun u min hemm bdew jiftħu ċentri oħra
f’parroċċi differenti. Mhux kullħadd fehem il-ġid li
kien qed issir ; min ma qabilx ma’ din l-attivita’
kien hawn ukoll, tant li anke l-Isqof kien ordnalu
biex jagħlaq l-oqsma kollha fejn kien qed issir it-tagħlim,
liema deċiżjoni b’xorti tajba ġiet irtirata għax
il-ġid kien ġa’ beda jinħass sewwa u l-kappillani
tal-parroċċi kienu favur tiegħu.
San Ġorġ Preca bniedem umli għal-aħħar, kien
imfittex ħafna biex jagħti l-pariri u ukoll bħala
konfessur. Tul ħajtu hu rnexxielu jħalli ġid kbir,
anki bil-kitba b’madwar 150 pubblikazzjoni ta’ kotba
u fuljetti.
Din is-Soċjeta tant kibret maż-żmien, it-tagħlim
jinxtered anke f’pajjiżi barra min-Malta
bħall-Awstralja, is-Sudan, il-Kenja, l-Peru, Londra
u l-Albanija. Illum il-ġurnata ukoll insibu skola li
tħejji it-tfal għal O’Levels u dar tax-xjuħ
għas-soċji tal-Mużew.
Dan l-ewwel Qaddis Malti miet fis-26 ta’ Lulju 1962,
u jinsab midfun fid-Dar Ġenerali tas-Soċjeta’
tal-Mużew il-Blata l-Bajda. Apparti il-ġid kbir li
għamel f’ħajtu, u li għadu jsir permezz ta’ oħrajn
li baqgħu mixjin fuq il-passi tiegħu, saru diversi
mirakli bl-interċessjoni tiegħu li jikkonfermaw
il-qdusija li dejjem kien igawdi. Dan il-bniedem li
għex fostna ftit tas-snin ilu. |
|
Joseph Abela
Scolaro
Joseph Abela Scolaro twieled fid-9 ta’ Frar 1910
fil-Ħamrun, wild Carmelo u Margerita mwielda
Camilleri. Joseph ħa l-ewwel tagħlim tal-mużika
mingħand missieru stess, iżda peress li missieru
miet meta hu kien għadu żgħir, kellu jkompli l-istudju
tiegħu mas-surmastrijiet Luigi Vella u Angelo
Abdilla. Minbarra l-pjanu huwa studja wkoll l-armonija,
l-kontrapunt u l-strumentazzjoni taħt it-tmexxija ta’
Carlo Diacono u Carmelo Pace. Wara snin ta’ studju,
Abela Scolaro beda jikseb l-ewwel suċċessi billi
wasal biex ħa tlett diplomi mill-London College of
Music. Fil-fatt insibuh jieħu d-diploma ta’
A(Mus)LCM fl-1937, L(Mus)LLCM fl-1945 u l-F.L.C.M
fl-1950.
Il-karriera tiegħu bħala direttur tal-Banda bdiet
fl-1934 mal-banda ta’ l-Istitut ta’ San Ġużepp.
Fl-1943 ingħaqad ma’ l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu
tal-Ħamrun, liema kariga dam jokkupa sa’ l-1972.
Huwa dderieġa wkoll il-baned L'Unione ta' Ħal Luqa
(1945 - 1979), Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar
(1951 - 1961), Leone ta’ Għawdex (1957 - 1958).
Joseph Abela Scolaro kien kompożitur versatili u
prolifiku ħafna. Ix-xogħlijiet tiegħu huma miktuba
kemm għall-orkestra kif ukoll għall-kor jew
għall-pjanu. Fost l-aħjar xogħlijiet vokali nsibu
l-Cantata lil San Gejtanu tal-Ħamrun, l-innijiet di
Gloria dedikati lil Sant’ Andrija u lill-Madonna
taċ-Ċintura ta’ Ħal Luqa, Lill-Madonna tal-Grazzji u
lill-Madonna tad-Duttrina ta’ Ħaż-Żabbar, l-Innu
taċ-Ċentinarju tal-miġja ta’ San Pawl f’Malta u
Vexilla Regis. Huwa kiteb innijiet oħra, bħal dak
dedikat lil San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop, Santa Marija
ta’ l-Mġarr u Marija Reġina tal-Marsa. Bħala
kompożizzjonijiet strumentali, Abela Scolaro
jispikka f’xogħlijiet bħal ma huma Racconto
Sinfonico, Slavonia, Alcestis u Reverie. Huwa kiteb
ukoll sitt quddisiet, responsorji, improperei
għall-Ġimgħa Mqaddsa, żewġ operetti, marċi brijużi u
funebri u xi xogħlijiet oħra fuq skala iżgħar.
Is-Surmast Joseph Abela Scolaro miet fis-27 ta’
April 1979, fil-għomor ta’ 69 sena
|
|
Gugliemo Bonanno
Gugliemo Bonanno jew kif kullħadd jafu, Fra Diegu,
għamel ġid kbir l-umanita’. Ta’ ħmistax il-sena
tagħlem is-sengħa ta’ ħajjat biex għaxar snin wara
tħajjar jidħol ajk. Fl-15 ta’ Lulju fil-festa tal-Madonna
tal-Karmnu ġie professat solennement mal-Patrijiet
Minuri Franġiskani t’Assisi li nafuhom bħala ta’
Ġieżu.
Wara ħidma kbira fil-kunvent, Fra Diegu ħa permess
mingħand is-superjuri tiegħu biex jiġbor xi flus
mingħand xi benefatturi biex il-flus jtihom lil-dawk
il-familji twajba li jaċċettaw li jrabbu tfajliet
abbandunati. Aktar tard irnexxielu jiftaħ dar biex
iżomm dawn it-tfajliet abbandunati li kienu jgħixu
f’faqar kbir tant li flok sodod kellhom tiben ma’
l-art. Bil-għajnuna ta’ oħrajn hu rnexillu jiftaħ
djar oħra bl-istess għan barra l-Ħamrun.
Minħabba li xogħol żdied, fl-1885, fetaħ istitut
fejn bdew jgħinuh is-sorijiet ta’ San Franġisk
t’Assisi, billi kien hemm żewġt idjar u niffidhom
flimkien. F’din id-dar kienu jgħallmu lin-nisa
il-ħjata, l-bizzilla u affarijiet oħra sakemm
jiżżewwġu jew jidħlu sorijiet.
Darba minnhom talab l-għajnuna tal-Markiż Bankier
Giuseppe Scicluna, dan kif ra ix-xogħol siewi li
kien jagħmel, offrilu li jibnilu istitut.
Sfortunatament Fra Diegu ma rax dan l-istitut lest
li jinsab fi Triq Villambrosa għax miet fl-14 ta’
Mejju 1902. |
|
Egidio Lapira
Imwieled il-Ħamrun fis-16 ta’ Frar 1897, Egidio
Lapira kien professur fid-dentistrija. L-edukazzjoni
tiegħu ħadha ġewwa l-Lyceum, l-Universita’ ta’ Malta
u aktar tard anke fl-Universita’ ta’ Ruma.
Fl-1925, kien l-ewwel dentist li jopera f’Malta li
beda jgħallem fl-Isptar Ġenerali ta’ Malta, kien l-ewwel
professur Malti f’Malta u maħtur il-kap tal-Fakulta’
tad-Dentistrija. Lapira tul il-karriera tiegħu serva
bosta drabi f’boards u kumitati fl-Universita’.
Lapira, wieħed mill-fundaturi ta’ Assoċjazzjoni tad-dentisti
f’Malta jitqies bħala l-missier tad-dentisti f’Malta.
Ħadem fil-Kunsill Mediku Malti u għamel isem
lil-pajjiżna barra min Malta fejn kien involut
f’bosta assoċjazzjonijiet barranin, fejn fost l-oħrajn
kien l-Hon. Viċi-President tal-Kungress
Internazzjonali tal-Federazzjoni tad-dentisti.
Matul l-ewwel gwerra dinjija serva fl-isptar
militari tal-Belt u kien ta’ ukoll is-servizz tiegħu
fit-tieni gwerra dinjija.
Fl-1954 ġie rikonoxxut għax-xogħol li għamel mil-Universita’
ta’ Malta bil- D.SC. Honoris Causa u mil-Ordni tal-British
Empire aktar tard. Egidio Lapira miet nhar it-8 ta’
Diċembru 1970. |
|
Lewis Portelli
Lewis Portelli, isem marbut ma’ l-isports f’Malta
twieled il-Ħamrun fil-21 ta’ Ġunju fl-1930. Portelli
għal snin twal irrapporta xi jkun għaddej fl-isports
kemm bħala xandar, preżentatur u ġurnalista sportiv
. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fis-St Edwards College u
St Michael’s Training College. L-ewwel xogħol tiegħu
kien ta għalliem, ħadem f’bosta dipartimenti mal-gvern,
u spiċċa fis-servizz ċivil bħala direttur fid-dipartiment
ta’ l-informazzjoni. Fl’ 1966 għamel xahar mal-BBC
sports li servieh ta’ esperjenza tajba fl-isports
fuq it-televiżion.
Il-karriera ta’ Portelli fl-isports bdiet fl-1956
meta beda bħala xandar fuq ir-Rediffusion Malti.
Fl-1960 ingħaqad mar-RAI f’Ruma bħala kummentatur
għal logħob Olimpiku. Ta min jgħid ukoll li din
kienet l-ewwel xandira diretta min barra min Malta.
Bejn l-1961 u 1975 għamel diversi produzzjonijiet
kemm fuq ir-Rediffusion u Televiżion bil-programmi
Sports Paronama u Riżultati Sportivi.
Lewis Portelli ir-rrapporta diversi avvenimenti
importanti fl-isport kemm f’Malta kif ukoll barra
min Malta fosthom il-logħob Olimpiku, Tazza tad-Dinja
u logħob tal-Pajjiżi iż-Żgħar. Fl-1986 kien invitat
personalament ġewwa l-Messiku min Franz Beckenbauer
biex isiefer mat-team Ġermaniż tal-football.
Portelli, li kien ukoll awtur tajjeb, kiteb bosta
pubblikazzjonijiet sportivi tajbin, dwar l-istorja
tal-logħob Olimpiku li jinkludi l-parteċipazzjoni
Maltija, l-istorja tat-Tazza tad-Dinja u l-istorja
tal-logħob tal-Pajjiżi iż-Żgħar . Kien ukoll l-editur
tal-ktieb annwali dwar il-football Malti.
Portelli rċieva diversi unuri u rikonoxximenti
għax-xogħol li wettaq, u bl-iktar wieħed importanti
huwa l-midalja għal Qadi tar-Repubblika. |
|
Dun
Frans Camilleri
Dun Frans Camilleri kien qassis ġentili għall-aħħar
imwieled il-Marsa nhar id-29 ta’ Jannar 1919. Ħadem
bla heda fil-parroċċa u l-komunita’ tal-Ħamrun, fejn
għalkemm kien qassis modern għal żmienu xorta baqa’
jilbes is-suttana meta din bdiet tinqata’.
Dun Frans ħa l-edukazzjoni tiegħu ġewwa s-Seminarju,
sakemm kien ordnat qassis fl-1943. Għallem il-Malti
fl-iskola St Aloysius u s-Seminarju bejn l-1944 u
l-1964. Kien ukoll membru attiv, segretarju u anke
editur għal żmien twil fil-‘Għaqda ta’ qari tajjeb’.
Kien ukoll Editur tal-‘ħuġġieġa’ u ‘lil ħutna’.
Barra minn hekk kien involut f’bosta għaqdiet ta’
kull tip, fosthom direttur spiritwali għal snin twal
fil-‘Legion of Mary’, il-Għaqda tal-Mużika San
Gejtanu u fil-Ħamrun Spartans.
Dun Frans kien poeta tajjeb ħafna. Kiteb bosta
poeżiji, innijiet, kant reliġjuż u siltiet li uħud
minnhom irnexxielu jippubblikahom. Fil-poeżija
tiegħu, li għadha studjata sa llum mill-istudjużi
tal-Malti, juri l-imħabba kbira li kellu lejn ilsien
Art twelidu. Kien membru fl-akkademja tal-Malti.
F’ħafna mill-kitbiet tiegħu dwar ir-reliġjon u Malta
jinħass xebh sewwa ma’ dak tal-poeta nazzjonali Dun
Karm Psaila.
Apparti l-kwalitajiet tajbin u x-xogħol kollu li
semmajna, kien fotografu tajjeb ħafna. Fil-fatt
għadek issib bosta ritratti tiegħu f’kartolini u
kalendarji. Kellu għal qalbu ħafna l-ġonna li fihom
kien iqatta’ ħin twil. Fost il-ħbieb kbar, kellu
lit-tenur il-Ħamruniż Oreste Kirkop.
Miet nhar is-sitta ta’ Diċembru 1990. Fil-Ħamrun
insibu swali u anke skola primarja imsemmija għalih. |
|
Willie Attard
Is-surmast Willie Attard twieled il-Ħamrun nhar l-14
ta’ Mejju, 1900. Sa minn ċkunitu kien imħajjar
għall-mużika u fl-eta’ żgħira ta’ tmien snin kien
diġa’ jdoqq il-kwartin. Aktar tard fl-eta’ ta’ 14-il
sena ngħaqad mal-Banda Kings’ Own Malta Regiment
bħala klarinerista. Willie beda jitgħallem l-arti
mużikali taħt Mro. Antonio Miruzzi u kompla jistudja
tajjeb l-armonija, kontra punt u strumentazzjoni
taħt is-surmast Carlo Diacono.
Il-karriera mużikali tiegħu, rat il-bidu tagħha
fl-eta’ żgħira ta’ 22 sena. Meta dak iż-żmien kien
ingħaqad ma l-orkestra fil-Każin San Ġużepp
tal-Ħamrun, orkestra li kienet iffurmata minn
strumenti tal-korda, injam u ram. L-ewwel xogħlijiet
tas-surmast Willie Attard kienu żewġ
kompożizzjonijiet għal-kompetizzjoni li saret ġewwa
Salerno fl-1928. Dawn kienu Fantasia Melodica Cuor
d’ artista fejn ħadet Diploma u Salib tad-deheb u
it-tieni kompetizzjoni kienet Marcia Patria Nostra
fejn ħadet Diploma u Salib tal-fidda.
Is-surmast Willie Attard kien direttur ta’ tliet
baned, dik ta San Ġużepp tal-Ħamrun, La Vittorja
tal-Mellieħa u Leone ta’ Vittoria Għawdex. Matul
il-karigi mużikali tiegħu fejn kien ferm attiv, hu
dejjem mexxa l-baned u soċjetajiet lejn suċċessi
kbar u ta’ ġieħ fl-istorja tagħhom..
Willie Attard b’dedikazzjoni kbira fil-Każin San
Ġużepp tal-Ħamrun kien jieħu ħsieb ukoll l-orkestra
mandolinistika li b’paċenzja kbira kien rawwem tant
tajjeb. Din l-orkestra kienet iffurmata minn 14-il
mużiċisti bejn kitarra u mandolini, fejn kienu
jiltaqgħu kważi kuljum biex joqgħodu jdoqqu flimkien.
Sfortunatament din l-orkestra kienet sfaxxat fix-xejn
ftit wara li Willie ħalla l-kariga tiegħu ta’
surmast direttur min mal-Banda San Ġużepp.
Lil din il-Banda Mro, Attard ħalliela rikordju kbir
li żgur qatt ma jista’ jiġi minsi. Fost ix-xogħolijiet
li ħalla huma, l-Innu lil San Ġużepp Tifħir lil San
Ġużepp fuq versi tal-magħruf u qatt minsi Dun Frans
Camilleri, l-Innu Marċ brijuż Lil San Gejtanu fuq
versi ta’ K.Sataljano. Innu tal-Banda fuq versi
tal-poeta magħruf Dr. Anton Buttigieg u bosta marċi
brijużi u mużika oħra.
Kemm dam surmast hu il-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun
marret bosta drabi iddoqq ġewwa Sqallija u l-Italja.
Flimkien ma’ Vincenzo Ciappara, Joseph Abela Scolaro,
Joseph Busuttil u Carmelo Brincat, Mro.Willie Attard
kien wieħed mis-surmastrijiet responsabbli
għat-twaqqif ta’ ‘l-Għaqda Każin tal-Baned’ fejn
anke dderiġa din il-banda kemm il darba.
Willie Attard miet fl-1970. Il-wirt li ħalla ġewwa
pajjiżna fl-arti mużikali jibqa’ monument ħaj f’dawn
il-gżejjer Maltin u Għawdxin fejn ta ħafna minn
ħajtu għall-kultura mużikali. |
|
|
|
|