Ħamrun Liberty
Il-Ħamrun
Liberty twaqqaf minn grupp ta’ żgħażagħ mill-Bini ta’ l-Isqof
fil-Blata l-Bajda li kienu jitlaqqgħu minn Dun Maurice
Mifsud biex jagħlimhom. Fl-1963 dawn waqqfu team tal-football
bl-isem ta’ ‘Ħamrun White Rock Rangers’, li f’dik l-istess
sena ħadu sehem fl-I.A.S.C.
L-ewwel klabb ta’ din il-għaqda kien fil-Lord Plumer Bar fi
Triq Irjali. Meta dan il-lokal għalaq marru fir-Radio City
Bar jew kif kien magħruf bħala ta’ ‘Duminku’. F’dak iż-żmien,
jiġifieri lura għaż-żmien erbgħin, minn dan il-bar ħareġ
it-team famuż tal-Liberty li aktar tard saru l-Ħamrun
Spartans li ħadu l-league u l-Cassar Cup fl-1947.
Fl-1966 il-kumitat ta’ dan il-club fuq suġġeriment tal-President
bidlu l-isem ta din il-Għaqda għal Ħamrun Liberty biex jimxu
fuq il-passi ta’ dak it-team famuż. Fl-1967 il-klabb mar fi
Triq Camelia fejn aktar tard fl-1973 ġie mkabbar u miftuħ
uffiċjalment mil-Mons. Gonzi. Dan kien l-uniku bini sportiv
li fetaħ dan l-isqof li ma kien midħla xejn ta’ l-isport
iżda huwa għamel hekk minħabba l-fatt li dan il-klabb kien
ħareġ mill-bini ta’ Isqof.
Dun Anton Portelli kellu ukoll sehem kbir f’din il-Għaqda,
apparti l-fatt li għamel bidla għall-aħjar, ħareġ bl-idea
tan-nursery fejn imbagħad ħarġu players bħal Michael
Degiorgio, Marco Grech, Leo u Gejtu Refalo, Joe Brincat,
Stefan Sultana u oħrajn. Żgur li dawn taw sehem importanti
fl-era tad-deheb li għamlu l-Ħamrun Spartans fit-tmenijijiet.
Din l-Għaqda maż-żmien ma baqgħetx biss fil-qasam tal-football
iżda għamlet ukoll suċċessi fi sports ieħor bħall-basketball,
boċċi, snooker u dan l-aħħar ukoll hemm is-sezzjoni Festa li
tieħu ħsieb li tarma in-naħa tal-Blata l-Bajda minn pjazza
San Pawl ‘l isfel jew ta’ wara x-xatba kif xi uħud
issejħulha, għall-festa ta’ San Gejtanu.
Websajt:
http://www.hamrunliberty.com
|