Grupp Armar
- Festa Kuncizzjoni
Il-grupp armar, twaqqaf fl-1982 bl-iskop li jieħu ħsieb l-armar
tal-festa tal-parroċċa Immakulata Kunċizzjoni. Il-grupp kien
twaqqaf nhar it-28 ta’ Lulju 1982 minn Joe Pace u l-ewwel
membri kienu Ivan Bugeja, Sandro Buttigieg, Silvio
Cacciattolo, Pawlu Camilleri, Franco Cassar, Joseph Doublet,
Noel Doublet u Mario Scerri.
Fl-ewwel snin tiegħu l-grupp kien jiltaqa’ ta’ kuljum
fis-sala Dun Edgar Vella li tinsab taħt il-knisja fejn aktar
tard marru f’garaxx kbir li hemm ftit metri l-bogħod mill-knisja.
Il-membri matul is-sena kienu jieħdu ħsieb jirranġaw l-armar
li jkun ġarrab xi ħsarat u anki jaħdmu fuq armar ġdid. Meta
toqrob il-festa umbagħad jibdew bil-preparamenti biex
jintramaw it-toroq kif jixraq għal festa. Dan il-grupp ħa
ħsieb li jagħmel xogħolijiet oħra li minn żmien għal żmien
kien ikun hemm bżonn li jsiru fil-knisja.
Matul is-snin l-grupp kien ukoll jorganizza diversi
attivitajiet fosthom kompetizzjonijiet tat-table soccer,
darts, billiards, subbuteo u table tennis. Il-grupp kellu
ukoll it-tim tal-futbol. Kienu jiġu organizzati ukoll
barbecues, ħarġiet ħdejn il-baħar u ikliet. Attivita`
ewlenija kienet is-serata annwali li kienet issir għal żmien
il-Milied fis-sala parrokkjali. Fl-1985 il-grupp kien ħa
sehem fil-Festa Żgħażagħ li kienet saret fin-Naxxar u fil-Festival
taż-Żgħażagħ li kien organizzat mill-parroċċa fl-okkażjoni
tas-Sena Internazzjonali taż-Żgħażagħ. Dan il-grupp għall xi
snin kien jippubblika fuljett bl-isem ta’ Ħolqa m’Oħra.
Maż-żmien il-grupp evolva kemmxejn, l-aktar għall-fatt illi
t-tradizzjonijiet taż-żgħażagħ tbiddlu mhux ħażin.
Saħansitra kellu ukoll jinbidel il-post fejn oriġinarjament
kien jiltaqa’ l-grupp. Minflok il-membri bdew jiltaqgħu
fil-maħżen ta’ l-armar li l-parroċċa għandha fi Triq Qrejten.
Il-lum il-grupp qed jieħu ħsieb jagħmel armar ġdid l-aktar
fejn jidħlu bandalori u xogħol fl-injam. Fil-fatt, il-membri
tal-grupp armar għamlu ħames pedestalli ġodda għall-istatwi,
tmin pilandri għall-linef u ġie anki restawrat it-trofew.
Saru ukoll żewġ statwi ġodda, dik tal-Kunċizzjoni u oħra ta’
l-anġlu, b’tifkira tal-25 sena anniversarju.
Minn żmien għal żmien il-grupp jorganizza numru
t’attivitajiet fosthom ħarġiet, barbecues, kompetizzjonijiet,
iċ-Ċenaklu Ħaj, lotteriji, it-tqassim ta’ rigali fi żmien
il-Milied u anki l-carcade tal-festa. Barra minn hekk ta’
kull sena matul il-festa l-grupp armar qed jippubblika l-ktieb
tal-festa. |