|
Skejjel |
|
Skola Primarja
L-ewwel skola primarja governattiva nbniet fl-1919-20
fil-għalqa msejjħa “tal-Boċċi” (billi fiha l-irġiel kienu
jilgħabu l-boċċi). Jgħidu li darba minnhom din il-għalqa
sfrondat bil-lejl u taħtha tfaċċat sienja mibnija kollha
ħnejjiet u qalb it-terrapien u ġebel dehru wkoll xi bramel.
Fl-Estimi Ġenerali ta’ l-1919-21 ġew ivvutati għaliha 4,000
lira (ta’ dak iż-żmien) li wara naturalment żdiedu. Fl-Estimi
Ġenerali ta’ l-1928-29 jidher li ġew ivvutati 668 lira biex
jitla’ parti mis-sular ta’ fuq. Din l-iskola, qabel ma nbnew
il-ġodda ta’ llum, kienet waħda mill-ikbar li kien hawn
f’Malta li kienet tieħu kwartier sħiħ u tħares fuq erba’
toroq.
Fi żmien l-aħħar gwerra din l-iskola laqgħet fiha r-rifuġjati
u t-tfal tqassmu fiż-żewġ każini u mkejjen oħra fejn setgħu
jissoktaw fit-tagħlim tagħhom.
|
|
L-iskola St Joseph
Is-Sorijiet ta’ St Joseph jibqgħu dejjem jiftakru l-festi
tal-fundatriċi tagħhom, Santa Emilia de Vialar li
saret is-Sibt, 24 ta’ Awissu, 1957. F’dan il-jum,
quddiem għadd kbir tan-nies l-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof
Mikiel Gonzi bierek u qiegħed l-ewwel ġebla ta’ l-iskola
ġdida mmexxija minn dawn is-sorijiet, li ħadet lok
dik li kellhom fi Triq Żakkarija, il-Belt. Resqu fuq
palk imħejji apposta, l-Arċisqof, Mons. C. Bonnici,
id-Delegat ta’ l-Arċisqof għas-sorijiet u Mons. G.
B. Ghigo, is-Superjura Madre Victoria Ransley u ż-żewġ
parriniet, is-Sur R. Degiorgio (li huwa l-perit ta’
l-iskola) u l-Kappillan tal-Ħamrun, Dun Mattew
Chircop kienu preżenti għaċ-ċerimonja. Imbagħad
Mons. Bonnici qara l-iscroll wara li ġie ffirmat
mill-Arċisqof Gonzi u ż-żewġ parriniet. Meta l-Arċisqof
bierek l-ewwel ġebla, huwa qiegħed f’ħofra fil-ġebla
t-tubu li fih iscroll u meta reġa’ lura fuq il-palk
niseġ kelmtejn għall-okkażjoni li bihom għalaq
iċ-ċerimonja.
L-iskola l-ġdida nbniet il-Blata l-Bajda dahar
maċ-ċimiterju ta’ Braxja. L-art fiha tul sewwa u
parti minnha kienet meħuda mill-knisja iżda ġiet
merħija mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi sabiex is-sorijiet
ikunu jistgħu jibnu l-iskola tagħhom primarja u
sekondarja flimkien mal-kwartier għas-sorijiet
infushom. Il-pjanta saret mill-periti Mortimer &
Degiorgio u tellgħu bini modern ħafna u arjuż; jesa’
madwar 1,200 studenta dil-ħtiġijiet kollha moderni.
Ix-xogħol li tlesta fl-1958 sewa 96,000(flus antiki)
u fi żmienha kienet waħda mill-isbaħ skejjel li
kellha Malta.
|
|
Marija Assunta
Skola Sekondarja Teknika għall-Bniet
‘Il ġewwa mill-Birrerija ta’ Farsons, fuq art watja,
imdawra b’ċint tas-sejjieħ inbniet skola Sekondarja
teknika għall-bniet li xtaqu jieħdu xi suġġett
femminili. Din l-iskola kienet l-ewwel skola ġo
Malta ta’ din ix-xorta li tat bosta opportunitajiet
lil tfajliet sabiex jimxu ‘l quddiem fil-karriera
tagħhom. Il-pjanta ħażżiżha l-Arkitett J. E.
Consiglio. Din tikkonsisti f’għadd ta’ blokki li
huma magħqudin ma’ xulxin permezz ta’ ftuħ. Din hija
waħdanija (dak iż-żmien) fil-gżira f’dak li hu stil
u sistema. Il-pjanti ta’ din l-iskola ġew approvati
mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni f’Londra. L-iskola
kienet lesta u nfetħet biex tilqa’ l-istudenti fiha
għall-ħabta ta’ l-1957.
|
|
Maria Regina Junior Lyceum
Skola Sekondarja għal-Bniet
Fil-Blata Bajda nbniet l-Iskola Sekondarja għal-Bniet li
tesa’ madwar 1,500 studenta. Il-pjanta ta’ l-iskola saret
mill-Perit Ġużeppi Borg Grech li kien inkarigat mill-bini,
filwaqt li Saver Vella minn Birkirkara ħa ħsieb ix-xogħol
tal-bini. Ix-xogħol fuq il-proġett beda f’Jannar ta’ l-1958
u f’Settembru tas-sena ta’ wara ‘l fuq minn 800 tifla
attendew fi klassijiet ta’ din l-iskola. L-iskola hija
ppjanata fi spazju kbir ħafna u msebbaħ bi ġnien u siġar. L-istudenti
għandhom spazju biż-żejjed fejn jilgħabu minħabba li l-Mile
End Sports Ground il-qadim jagħmel parti minn din l-iskola.
Fattur ġdid f’din l-iskola huwa wkoll teatru fil-beraħ taħt
forma ta’ mrewħa bħal dawk tal-Griegi, li hawn Malta huwa ta’
l-ewwel għamla li qatt kien hawn. Il-ftit siġar tal-ħarrub
li kienu jeżistu f’dan il-post tħallew biex jagħmlu parti
mill-palk li jintuża għal drammi u wirjiet fil-miftuħ. Meta
fl-1981 il-Gvern fetaħ il-Liċeo għal-bniet flok l-iskola
sekondarja l-qadima, din saret iċ-Ċentru Skolastiku
għal-Bniet.
Il-Ħadd, 31 ta’ Ottubru, 1999, il-President ta’ Malta, il-Prof.
Guido de Marco kixef uffiċjalment il-monument li jfakkar
l-40 sena mill-ftuħ ta’ l-iskola Maria Regina Junior Lyceum.
Preżenti kien hemm għadd ta’ nies prominenti. |
|
Ħamrun Junior Lyceum
Il-Ħamrun huwa magħruf għal-għadd ta’ skejjel li nbnew fih.
Il-Liċeo l-ġdid li sar taħt it-tmexxija tal-Perit John
Spiteri fih tassew għaxqa.
Din l-iskola fil-1988 issemmiet għal Dun Giuseppe Zammit,
imlaqqam Brighella. Kien jonqos li jsir monument għalih. Dan
sar mill-iskultur Ġanni Pace li ddiżinja l-bust u l-pedistall
sar minn Charles Aguis. Huwa ġie inawgurat mill-Isqof
Awżiljarju Mons. Annetto Depasquale fl-14 ta’ April, 1999.
Saru kelmtejn mis-Sur Mario Debono, M.A., quddiem Dr A. C.
Xuereb, kap ta’ l-iskola u għadd ta’ mistednin oħra.
Il-Ħamis, 18 ta’ Jannar, 2001, L-Isqof Awżiljarju Mons.
Annetto Depasquale bierek kappella f’din l-iskola li
ssemmiet għall-Venerabbli Dun Ġorġ Preca. George Schembri,
student f’din l-iskola, għamel kurċifiss għal din
il-kappella u statwa tal-Madonna ġiet preżentata minn
student ieħor Josef Cacciottolo. Patri William u Patri
Charles ippreżentaw pittura ta’ San Ġużepp ta’ Copertino.
|
|
Is-Sorijiet Ta’
Eġittu
Malajr sabu biċċa art ħdejn il-għalqa tal-‘Boċċi’” u
fuq il-pjanta tal-Perit Ugo Mallia, fl-1935 bdew
jibnu l-kunvent u l-iskola fuq stil Gotiku li ġie
inawgurat fl-1937.
Billi t-talba minn bosta ġenituri sabiex idaħħlu lil
uliedhom hawn kompliet tikber kull sena, f’Lulju ta’
l-1961 is-sorijiet taw bidu għall-bini ta’ ħames
klassijiet ġodda li nfetħu aktar tard f’dik is-sena.
Fil-bidu ta’ Mejju tas-sena 2001, ġie inawgurat
blokk ġdid fl-iskola ta’ din il-komunita’ li
jikkonsisti fi tliet sulari u gym kbir, klassijiet
mill-primarja sas-sekondarja u swali għal-konferenzi.
Dan il-blokk li nbena minflok ieħor antik li beda
jitwaqqa’ bejn April u Settembru tas-sena 2000,
fil-vaganzi ta’ l-Għid, tbierek minn Patri Bernard
Bartolo, O.F.M.
|
|
Dun Frans
Camillieri Primary School
L-iskola Dun Frans Camilleri tinsab eżatt wara l-pjazza
ta’ Fra Diegu u tmur lura sa l-1881 meta nbniet
il-knisja San Gejtanu u saret parroċċa. Eżatament
fuq il-bieb ta’ din l-iskola hemm bust mil-isbaħ
tar-Regina Victoria u l-Prinċep Albert flimkien ma
tifel u tifla. Matul l-ewwel gwerra dinjija din l-iskola
intużat bħala sptar għas-suldati.
Din l-iskola primarja illum il-ġurnata issir it-tagħlim
fija lit-tfal mil-kindergarten sa 7 snin. |
|
Adelaide Cini Secondry
School
L-isem ta’ din l-iskola ġej għal tifla Maltija li
fil-bidu tas-seklu dsatax wara l-mewt ta’ missierha,
fetħet dar għat-tagħlim għal tfajliet li kien
magħruf bħala Cini Institute. Din l-iskola li nbniet
fis-sittinijiet tilqa’ fija madwar 530 student mil
11 sa 16 il-sena. |
|
Guardian Angel School
Din l-iskola nbniet fil-bidu ta’1960 u
tispeċjalizza fi studenti bi bżonnijiet speċjali.
Guardian Angel School hija spazjuza u mibnija
b’faċilijiet speċjali. Din l-iskola tati l-opportunita’
l-istudenti biex jintegraw soċjalment aktar billi
jagħlmuhom affarijiet bażiċi u bzonjuzi biex
umbagħad wara ikunu jistgħaw jintegraw fi skejjel
oħra u fil-komunita’. Lit-tfal bl-għajnuna ta’
sports, internet, drama, arti, mużika u terapija
oħra jgħinuhom biex jiżviluppaw aktar u aħjar
il-kapaċitajiet tagħhom |
|
|