Dħul  |  Il-Ħamrun  |  Il-Kunsill  Siti Oħra  |  Kuntatt
.
 Sezzjonijiet Oħra
 > Storja
 > Popolazzjoni
 > Gieħ il-Ħamrun
 > Għaqdiet
 > Knejjes
 > Monumenti
 > San Gejtanu
 > Nies ta' Isem
 > Skejjel
 > Toroq
 > Attivitajiet
 > Ritratti Antiki

Soċjeta Mużikali San Ġużepp Ħamrun

L-element mużikali fis-seklu dsatax

Għall-ħabta ta’ nofs is-seklu dsatax, inħoloq f’Malta moviment qawwi li kiser il-monotonija tal-ħajja ta’ dak iż-żmien. Dan dawwal dawk iż-żminijiet il-mudlama u fetaħ orizzonti ġodda għat-tagħlim kulturali tal-massa u ħoloq rikreazzjoni u soċjalizzjoni għal ħafna kommunitajiet ta’ bliet u rħula Maltin.

Il-qawmien ta’ dan il-moviment bandistiku kien attribwit għal ħafna fatturi importanti.

i) Il-ġibda u l-imħabba tal-bniedem lejn il-mużika.
ii) Il-marċi u l-programmi tal-baned Militari fostna.
iii) Il-parteċipazzjoni tal-vjolini u strumenti oħra fil-purċissjonijiet.
iv) Il-kurrent ta’ mużika klassika u semi-sagra fil-knejjes.
v) It-tkabbir tal-festi esterni.
vi) Is-sehem tal-mużika f’manifestazzjonijiet profani.

Mat-tmiem tas-seklu dsatax fil-bliet, is-subborgi u l-irħula, infetħu ċentri tal-mużika. Dawn iċ- ċentri kienu jsejħulhom ‘Circoli Filarmoniċi’ jew kif insejħulhom illum ‘Każini tal-Banda’.

L-Ewwel Banda fil-Ħamrun

L-influwenza ta’ dan il-moviment bandistiku nħasset sewwa fil-Ħamrun li fis-snin tmenin tas-seklu dsatax kien għadu subborg ta’ madwar 4,000 ruħ. Dan il-moviment sab ħafna promoturi ġol-Ħamrun. Il-għadd ta’ dawn il-promoturi kien tnax, imma l-aktar bniedem li wera interess u entużjażmu kien is-Sur Giuseppi Mintoff. Dal-bniedem ħeġġeġ grupp ta’ żgħażagħ Ħamruniżi biex jieħdu kors ta’ studju mużikali bil-għan li jiffurmaw banda kbira. Dan l-appell kien milqugħ bil-kbir u fi ftit ġimgħat l-istudenti li bdew jattendu għall- lezzjonijiet tal-mużika laħaq it-tletin. Barra minn dawn, xi mużiċisti Ħamrunizi li kienu diġa jdoqqu mar-reġiment jew xi baned oħra inġibdu minn dan il-kurrent mużikali.

Kul bidu għandu id-diffikultajiet tiegħu, u fil-każ tat-twaqqif ta’ din is-Soċjeta’ dawn id-diffikultajiet ma naqsux, iżda bil-ħeġġa, il-ħidma, u l-ħila ta’ dawn in-nies il-qalbiena, u inkuraġġiti mil-ħabrieki Surmast C. Doneo warrbu kull ostaklu biex setgħu jilħqu il-għan tagħhom li jiffurmaw il-banda. Dan kien il-bidu ta’ l-ewwel Banda Ħamruniża, il-Filarmonika San Ġużepp li mal-medda tas-snin tant kibret u ssaħħet li minnha xxettlu fergħat mużikali oħra.

Data u l-isem tas-Soċjeta’.

Id-data storika u memorabbli tat-twaqqif ta’ l-ewwel Soċjeta Filarmonika ġol-Ħamrun kienet it-18 ta’ Awissu 1889 taħt il-presidenza tas-Sur Temi Conti, bl-isem ta’ "SOĊJETA’ FILARMONIKA SAN GIUSEPPE", data li tibqa’ minquxa b’ittri tad-deheb fl-istorja soċjo-mużikali tal-Ħamrun.

Ħafna Ħamruniżi u dilettanti tal-baned jistaqsu x’kienet ir-raġuni li s-Soċjeta’ ma semmietx għall-Patrun Qaddis tal-Parroċċa San Gejtanu, meta din is-Soċjeta’ twaqqfet tmien snin wara li l-knisja ta’ San Gejtanu kienet ilha diġa’ parroċċa.

Fost ir-raġunijiet ewlenin li nsibu fl-istorja tal-Ħamrun li :

1. Dak iż-żmien il-Ħamrun ismu kien ‘Casale jew Sobborgo San Giuseppe’.
2. L-Ewwel Każin infetaħ ‘Via San Giuseppe’ triq storika u arterjali f’Malta u li għadha hekk sa’ llum il-ġurnata.
3. Ħafna mill-promoturi u membri kien jġibu l-isem ta’ Ġużeppi għar-raħal tagħhom.
4. Isem l-iskola primarja kien ‘Scuola Primaria di San Giuseppe e Samra’.
5. Qabel l-inawgurazzjoni tal-Każin, ġiet regalata statwa sabiħa tal-ġebel ta’ San Ġużepp, xogħol l-iskultur Vincenzo Dimech.
6. Dak iż-żmien, San Ġużepp kien meqjum mill-Ħamruniżi aktar minn San Gejtanu.
7. Is-Soċjeta’ imxiet mat-tradizzjoni ta’ dak iż-żmien li ebda banda f’Malta ma kienet marbuta ma xi isem tal-qaddis f’dik il-parroċċa.

L-Ewwel President tas-Soċjeta’

L-ewwel President tas-Soċjeta’ Filarmonika San Ġużepp kien is-Sur Temi Conti li darbtejn kien il-President tas-Soċjeta’, l-ewwel darba dam sebgħa snin mill-1889 sa l-1896 u t- tieni darba dam wieħed u għoxrin sena mill-1904 sa l-1925.
Is-Sur Conti li kien bin l-Imħallef Giovanni Conti, kellu personalita’ kbira u kien magħruf mal-Ħamrun kollu. Kien bniedem benestant tant li kellu ħafna artijiet fl-inħawi tal-knisja. Insibu fl-istorja li parti mill-art li fuqha nbniet il-Knisja ta’ San Gejtanu kienet ta’ missieru.

L-ewwel Surmast tal-Banda.

L-ewwel surmast li kellha il-Banda San Ġużepp kien Maestro Carmelo Doneo, il veru missier ta’ din il-banda għax kien l-ispirazzjoni u l-animazzjoni tagħha. Bis-sabar, bil-għaqal u b’ħidma kbira huwa rnexxielu jwaqqaf l-ewwel banda ġewwa l-Ħamrun.
Is-Surmast Doneo kien surġent fil-banda ta’ l-R.M.M. Huwa kien mużiċist magħruf mal-banda militari li kien idoqq magħha u kif ukoll mal-baned ċivili ta’ dak iż-żmien.

L-ewwel ma waqqaf is-Surmast Doneo kienet skola tal-mużika ġol-każin fejn iddedika l-ħin tiegħu għat-tagħlim l-istudenti l-ġodda. ħadem bla heda u stinka kemm felaħ biex jara l-ħolma tiegħu, li jesegwixxi l-ewwel programm mużikali fil-pubbliku biex tferraħ il-poplu Ħamruniż, issir realta’.

Dan wasal u seħħ lejlet il-festa ta’ San Gejtanu, nhar is-6 ta’ Awissu 1892. Hawn is- Soċjeta’ u speċjalment is-Surmast Doneo ħarġu bl-unuri kollha tal-progress kbir li kienet għamlet il-banda f’qasir żmien mit-twaqqif tagħha.

Id-Dar tas-Soċjeta’

Is-sede tas-Soċjeta’ tinsab fl-aktar post ċentrali fil-Ħamrun, eżattament quddiem il-knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu, iżda m’hux minn dejjem kienet hemm.

Il-promoturi tas-Soċjeta’ kienu jiltaqgħu f’dar fi Triq San Gejtanu. Wieħed irid jgħid li fis-sena 1889, ftit kien hemm djar f’din it-Triq u dawn ma kinux numerati, anzi skond iċ-ċensiment li kien għamel l-ewwel kappillan fis-sena 1882, din it-Triq ma kienetx teżisti. Meta l-promoturi ħatru lis-Sur Conti bħala President huwa tahom waħda mid-djar tiegħu li kienet 150, Triq San Ġużepp, (illum 233). Wara xi diffikultajiet u tilwim li nqala’ bejn il-membri ta’ dak iż-żmien, il-kumitat ittrasferixxa l-każin żewġ bibien ‘il fuq, fil-Barumbara, li maż-żmien konna nsejħulha ‘Ta’ l-Għawdxi’ ħdejn il-ħanut ta’ Emanuel’s House, kantuniera ma’ Triq Santa Marija. Is-soċjeta’ ma dammitx f’dan il-post u membru tas-Soċjeta’ is-Sur Antonio Vella tahom waħda mid-djar tiegħu li kien għadu kif bena fi Triq San Gejtanu, bħala dar proviżorja sakemm tinsab dar viċin il-knisja.

Naturalment, il-kumitat ma kienx kuntent għax din id-dar kienet imwarrba. Wara ħafna taħbit u tfittix il-Kumitat sab opportunita’ li jiċċaqlaq minn din id-dar u jmur ħdejn il-Knisja, fejn illum insibu s-Civic Club. Għalkemm din id-dar kellha pożizzjoni prominenti, kienet nieqsa minn ħafna kumditajiet u ma kienitx tissodisfa l-ħtiġiet tas-Soċjeta’. Il-Kumitat xeħet għajnejh fuq dar kbira quddiem il-knisja, li dak iż-żmien kienet okkupata mit-tabib Carbone. Fil-fatt il-Kumitat kien irnexxielu jieħu din id-dar u wara li saru ħafna alterazzjonijiet meħtieġa saret uffiċjalment is-sede tas-Soċjeta’ Mużikali San Ġużepp li għadhom jokkupaw sa llum.

Il-Laqam Tal-Miskina

Fis-sena 1906, il-Banda Mużikali San Ġużepp kienet mistiedna biex teżegwixxi programm fil-Floriana. Xi bandisti mingħajr ma għarrfu lis-Surmast u lanqas lid-delegati tal-banda ma attendewx għall-programm. Is-Surmast irrapporta dawn il-bandisti lill-kumitat biex jitressqu quddiemu u jiġġustifikaw l-imġieba tagħhom. Il-Kumitat deherlu li l-iskuża li ġab wieħed mill-bandisti kienet ‘frivola’ u mingħajr sustanza. Għalhekk il-kumitat iddeċieda li jkeċċih mill-banda u mill-każin.

Din id-deċiżjoni qajmet reazzjoni fost xi bandisti li pprotestaw bil-qawwa kontra din id-deċiżjoni ħarxa. Tnejn minn dawn il-bandisti ġew ukoll imkeċċija mill-każin permezz ta’ Seduta Ġenerali. B’riżultat ta’ dan, grupp ta’ bandisti flimkien ma’ soċji sussidjarji telqu s-Soċjeta’ San Ġużepp u ftit xhur wara ffurmaw banda għalihom, dik li kellha tkun is-Soċjeta’ Mużikali San Gejtanu. Minn hawn ħarġu il-laqmijiet li għadhom magħrufin bihom sa llum iż-żewġ soċjetajiet. Peress li l-ewwel każin tal-Banda San Gejtanu kien ħdejn Gabriel li kien jagħmel l-imqaret tat-tamal, il-partitarji Ġużeppini laqqmu il-Każin avversarju ‘l-Każin tat-Tamal’. Min-naħa l-oħra, l-partitarji Tamlin laqqmu l-Każin ta’ San Ġużepp bħala ‘l-Każin tal-Miskina’ minħabba li kienu telquhom bandisti u soċi. Għaddew aktar minn tliet Ġenerazzjonijiet u l-Ħamruniżi, kif tista’ tgħid kif hemm ma’ Malta kollha, issib żewġ Soċjetajiet, tal-Miskina u tat-Tamal.

Kummissjoni Żgħażagħ

Il-Kummissjoni żgħażagħ Ġużeppini tal-Ħamrun twaqqfet fl-1 ta’ Novembru 1985. Din tagħmilha L-Ewwel Kummissjoni Żgħażagħ f’Malta, fejn għandhom x’jaqsmu is-Soċjetajiet Mużikali. Illum aktar minn qatt qabel din il-kummissjoni għadha għaddejja bix-xogħol siewi tagħha u dan jidher biċ-ċar fil-proġetti u tiżjin li jsiru għal waqt il-festa ta’ San Gejtanu.

Surmastrijiet tal-Banda

Din is-soċjeta’ kellha bosta surmastrijiet ta’ kalibru għoli, li pproduċew mużika u tagħlim mil-aqwa lis-soċjeta’. Fost dawn insibu il-Hamruniż Willy Attard li kiteb bosta ħinnijiet u marċi sbieħ fosthom il-famuża koppla, l-innu tal-banda u l-innu marċ San Gejtanu.

Għeluq il-Mitt Sena

Is-sena 1989 kienet l-aktar sena glorjuża u memorabbli fl-istorja tas-Soċjeta’ Mużikali San Ġużepp. F’dik is-sena kienet ċelebrata l-100 sena mit-twaqqif tagħha li kompliet tissoda l-pożizzjoni tagħha bħala l-pijuniera fil-qasam tas-soċjo- mużikali ġol-Ħamrun.

Festa San Ġużepp

Is-Soċjeta’ Mużikali San Ġużepp tiċċelebra ukoll il-Festa ta’ San Ġużepp li ssir ġeneralment fix-xahar ta’ Mejju.

Websajt: http://www.sanguzepphamrun.com/gbook.asp


 
 
Ċaħħad  |  Drittijiet ta` l-Awtur  |  Privatezza  |  Accessibilita  |  Kuntatt
http://www.gov.mt