Dħul  |  Il-Ħamrun  |  Il-Kunsill  Siti Oħra  |  Kuntatt
.
 Sezzjonijiet Oħra
 > Storja
 > Popolazzjoni
 > Gieħ il-Ħamrun
 > Għaqdiet
 > Knejjes
 > Monumenti
 > San Gejtanu
 > Nies ta' Isem
 > Skejjel
 > Toroq
 > Attivitajiet
 > Ritratti Antiki

Għaqda tal-Mużika San Gejtanu Ħamrun

Il-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu taf il-bidu tagħha fis-1906, meta il-Banda Mużikali San Ġużepp kienet mistiedna biex teżegwixxi programm fil-Floriana. Xi bandisti mingħajr ma għarrfu lis-Surmast u lanqas lid-delegati tal-banda ma attendewx għall-programm. Is-Surmast irrapporta dawn il-bandisti lill-kumitat biex jitressqu quddiemu u jiġġustifikaw l-imġieba tagħhom. Il-Kumitat deherlu li l-iskuża li ġab wieħed mill-bandisti kienet raġonevoli. Għalhekk il-kumitat iddeċieda li jkeċċih mill-banda u mill-każin.

Din id-deċiżjoni qajmet reazzjoni fost xi bandisti li protestaw bil-qawwa kontra din id-deċiżjoni ħarxa. Tnejn minn dawn il-bandisti ġew ukoll imkeċċija mill-każin permezz ta’ Seduta Ġenerali . B’riżultat ta’ dan, grupp ta’ bandisti flimkien ma’ soċji sussidjarji telqu s-Soċjeta’ San Ġużepp. Ftit xhur wara nhar San Ġwann jiġifieri nhar l-24 ta’ Ġunju 1906 ġiet imwaqqfa uffiċjalment il-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu.

Iż-żagħżugħ li kien il-moħħ wara t-twaqqif ta' din is-soċjeta’ kien Francesco Buttigieg li eventwalment sar il-fundatur tas-Soċjeta'. Minnufih Francesco u sħabu bdew ifittxu post biex jsir l-ewwel sede uffiċjali tal-Għaqda li ngħatat l-isem tal-Patrun tal-Ħamrun – San Gejtanu. L-ewwel dar kienet ġewwa it-Triq il-Kbira fil-Ħamrun li llum il-ġurnata iġib in-numru 707. Matul is-snin, il-Għaqda bidlet is-sede tagħha erba’ (4) darbiet. Min-numru 707, ittrasferiet ruħha għan-numru 699 fit-Triq il-Kbira stess. Ftit tas-snin wara, il-għaqda reġgħet iċċaqlqet u marret fejn illum insibu l-Azzjoni Kattolika tal-Ġuvintur, jiġifieri il-LEGA, wara għan-numru XXX, u minn hemm is-soċjeta’ mxiet għas-sede li għadha fiha sa llum il-ġurnata, jiġifieri ġewwa l-Palazz Thiene, fit-Triq il-Kbira. Dan iċ-ċaqlieq kollu sar peress li sa mill-bidu nett ta’ din il-għaqda, magħha bdew jingħaqdu aktar u aktar imseħbin.

Il-Banda San Gejtanu damet biss erba’ u erbgħin ġurnata biex għamlet l-ewwel programm mużikali tagħha fil-pubbliku. Dan ġara fis-6 u s-7 t’Awissu 1906 meta l-Banda esegwit Programm u Marċi lejlet il-festa u marċi f’nhar il-festa ta’ San Gejtanu.

Fil-gżira tagħna il-laqmijiet tista’ tgħid li minn dejjem kellhom post importanti fl-iżvilupp ta’ soċjetajiet u għaqdiet ċivili, u l-każini tal-lokal tagħna ma kinux eċċezzjoni. Il-għaqda tal-Mużika San Gejtanu għandha il-laqam ‘TAT-TAMAL’. Dan il-laqam ingħatalna mill-partitarji tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp peress li bieb ma’ bieb mas-sede kien hemm ċertu Grabiel li kien jaħmi u ibiegħ l-imqaret tat-tamal. Malli raw hekk, dawn bdew isejjħu lill-avversarji tagħhom tal-MISKINA, peress li kien hemm bosta bandisti u membri li telqu minn magħhom biex jingħaqdu mas-soċjeta’ ġdida tagħhom.

Il-Għaqda Mużikali San Gejtanu tat sehemha bis-sħiħ fl-istorja. Tagħha kienet l-inizjattiva biex titwaqqaf uffiċjalment il-Malta Table Tennis Association. Apparti minn hekk is-soċjeta’ fetħet il-bibien tagħha biex organizzazzjonijiet oħra u importanti setgħu jużaw is-swali tagħha biex jitwaqqfu u jistabbilixxu ħidmiethom. Fosthom nistgħu nsemmgħu lill- Moviment tal-Malti, il-Għaqda Kittieba Żgħażagħ, is-St John Ambulance Brigade, kumpaniji tat-Teatrin u ħafna oħrajn. Fil-waqt li l-każin tagħna kien miftuħ għal attivitajiet ta’ għaqdiet oħra, il-Għaqda tagħna kienet miżgħuda bl-attivitajiet tagħna, fejn fosthom ma nistgħux ma nsemmux is-sehem tagħha fil-karnival u kif ukoll f’kull xorta ta’ sport.

Minkejja li kienet impenjata b’diversi attivitajiet, il-għan l-ewlieni li għalih twaqqfet il-għaqda, il-Mużika, qatt ma ntesa. Lejn tmiem is-snin tmenin il-Għaqda waqqfet fi ħdanha skola tal-mużika biex tieħu ħsieb bl-aktar mod organizzat u professjonali t-tagħlim ta’ l-alljevi li n-numru tagħhom baqa’ jiżdied kontinwament sal-ġurnata ta’ llum. Fil-fatt is-soċjeta’ qiegħda tgawdi l-frott ta’ din l-iskola għax uħud mill-alljevi tagħha qiegħdin jiksbu suċċessi kbar fl-istudji mużikali tagħhom.
L-arkivji mużikali li tħaddan is-soċjeta’ huma għonja b’marċi popolari u funebri, mużika klassika u operistika, kif ukoll siltiet mill-isbaħ li għamlu storja mad-dinja kollha. Pero l-aktar siltiet li huma għal qalb is-soċjeta’, huma dawk li nkitbu tul is-snin minn Surmastrijiet tal-banda tagħha stess. Ovvjament hemm l-Innu tal-Banda San Gejtanu li huwa kompożizzjoni tal-qatt minsi ex-Surmast direttur Mro. Joseph Abela Scolaro, fuq versi tal-mibki Dun Frans Camilleri, ex-Direttur Spiritwali. Ta’ dan l-istess kompożitur ma nistgħux ma nsemmux il-Kantata lil San Gejtanu li kienet esegwita għall-ewwel darba fl-elf disa’ mija u sebgħa u erbgħin. Is-surmast attwali Mro. Ray Sciberras ukoll min-naħa tiegħu kompla żewwaq l-arkivju b’siltiet mill-isbaħ. Insemmgħu fosthom il-kantanta Tislima Lil San Gejtanu li żżanżnet proprjament fid-disgħin anniversarju. Barra minn hekk din is-soċjeta’ ttella’ ammont sabiħ ta’ erba’ programmi annwali – fil-Milied, il-Ġimgħa l-Kbira, f’Jum it-Twaqqif u fil-Festa tal-Patrun. Ma jistax jonqos li jittellgħu ukoll xi programmi għal xi okkażjoni partikolari.

Meta tissemma l-istorja tal-għaqda, ma tistax tit]alla barra l-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin, li sa mis-sena elf disa’ mija u sebgħa u tmenin, dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tagħmel unur u tgħin lis-soċjeta’. Dan twettqu biex tkompli tiġbed lejha żgħażagħ u partitarji permess ta’ diversi attivitajiet. Il-kummissjoni qatt ma kellha f’moħħha l-attivitajiet biss, iżda ħadmet u stinkat biex fost affarijiet oħra tagħti ammont sabiħ ta’ strumenti biex b’hekk l-iskola tal-mużika kompliet tistagħna u tikber.


 
 
Ċaħħad  |  Drittijiet ta` l-Awtur  |  Privatezza  |  Accessibilita  |  Kuntatt
http://www.gov.mt