|
Obelisk
fil-Ħamrun
Minn Alfie Guillaumier
Bil-għan li forsi nqajjem xi ftit kuxjenza Ħamruniża, se
nġib hawn ftit fatti dwar l-obelisk li jinsab fil-Ħamrun li
ftit huma li qatt rawh għajr il-ġirien li jarawh quddiemhom,
bla ma forsi jafu dik il-massa ġebel x’inhi. Jafu biss li hu
xi monument, għaliex fil-għamla tiegħu jindika li hu xi ħaġa
ta’ min iħares lejh.
Mela, missieri fi ċkunitu kien joqgħod x’imkien Strada San
Gejtanu u jien kont dejjem nisemgħu jgħid li fil-bitħa ta’
Ġanni l-mastrudaxxa hemm monument. Pero’ dan qatt ma kien
jaf jgħid dak il-monument x’kien, l-ewwel forsi għaliex ma
kienx jinteressah u t-tieni għaliex dan Ġanni kien jaħbat fi
Strada San Giovanni u kien jiġi dar ma’ dar ma’ fejn kien
joqgħod missieri fi tfulitu. Meta għadda ż-żmien u missieri
mar joqgħod fi Strada San Giovanni fejn twelidt jiena fin-numru
1 (illum dan il-bieb ma għadux jeżisti għaliex ġie
inkorporat ma’ dar oħra) isem dan il-monument baqa’
impressjonat f’moħħi sakemm meta ġejt biex nikteb l-istorja
tal-Ħamrun u qbadt niġbor il-materjal. Hawn ftakart fi kliem
missieri u l-monument li kien isemmi lili u lil ħuti. Issa
Ġanni ma kienx għadu joqgħod hemm. Fil-gwerra kienet
mietitlu l-mara u tifla ta’ xi ħmistax-il sena b’bomba li
ġiet fuq id-dar tiegħu, u li għal ftit ma tarx dan il-monument
ukoll. Minfloku kien daħal mastrudaxxa ieħor, ċertu Ġorġ
Xuereb bil-familja. Darba kont avviċinajt lil dan Ġorġ u
staqsejtu jekk hux vera li fil-bitħa tiegħu kien hemm
monument. Ġorġ urieni dan il-monument u tellagħni fis-setaħ
biex inkun nista’ narah aħjar. Stagħġibt kif quddiemi rajt
monument il-kobor tiegħu u ma nesaġerax meta ngħid li fih
ftit inqas minn dak ta’ ‘Spencer’ fil-Blata l-Bajda, imma
isbaħ minnu. Fin-naħa t’isfel għandu l-post ta’ arma li
naturalment kienet taret bil-bomba li ġiet ħdejh. Jien
ikkuppjat l-iskrizzjon u ħadt id-dettalji kollha biex
nippublikah.
Fi Frar 1968 kont qiegħed nippublika fuq ‘Il-Berqa’,
il-parti dwar il-Ħamrun mis-serje ‘Bliet u Rħula Maltin’ u
malli semmejt dan lill-Avukat Dr. Carmelo Testa, storiku
mill-aqwa u li dak iż-żmien kien inkarigat minn din il-paġna,
talabni jekk stajtx nirranġa biex jibgħat fotografu ħalli
neħdulu ritratt u nġibuh fuq ‘Il-Berqa’. Dak inhar stess
jiena kellimt lil dan Ġorġ li tani l-ħin x’kien kellu jmur
il-fotografu u naħseb li dan kien l-ewwel ritratt li qatt
deher ta’ dan il-monument. Minn dak in-nhar ħafna nies saru
jafu bih, bla qatt ma rawh.
Ma nafx kif, daħalli f’moħħi li forsi nħajjar l-awtoritajiet
biex nippruvaw noħorġu dan il-monument midfun ġo bitħa, u
nqiegħduh ġo xi pjazza, żgur li jkun aħjar minn fejn qiegħed
u b’hekk jista’ jitgawda minn kulħadd.
Sa llum għadu hemm, imma għandi fehma soda li xi darba għad
narawh isebbaħ xi pjazzetta. Kieku ma kienx idea ħazina li
nqiegħduh fir-roundabout ta’ ħdejn l-istazzjon tal-ferrovija…
illum l-iscouts. L-istorja ta’ dan l-obelisk hija sempliċi.
Wara li kien ilu xi mitejn sena jġorr l-ilma ġo fih, l-Akwadott
kien beda jitmermer u kellu bżonn li jiġi restawrat. Fl-1780
indaħal il-Gran Mastru De Rohan għal dan ix-xogħol kif tgħid
il-kitba fuq dan l-obelisk u biex tibqa’ mfakkra din
il-ħidma fejjieda, inbena’ fin-niżla tal-għolja ta’
Tas-Samra, dan l-obelisk li maż-żmien sab ruħu mdawwar
bil-bini tal-privat.
|
|