Bini ta’
parkeġġ ta’ ħames sulari taħt l-art, uffiċini ġodda
għall-Kunsill u ġnien fis-sit tas-Suq l-antik, triq id-Duka
ta’ Edinburgh, Ħamrun.
Il-Kunsill Lokali Ħamrun f’konferenza stampa, ta’ bidu għal
proġett ambizzjuż li ser ikun ta prestiġju kif jixraqlu l-poplu
Ħamruniż ta’ bini ta’ parkeġġ ta’ ħames sulari taħt l-art,
uffiċini ġodda għall-Kunsill u ġnien fis-sit tas-Suq l-antik,
triq id-Duka ta’ Edinburgh, Ħamrun.
Sa mill-ewwel
Kunsill f’din il-lokalita, kien ġie pjanat li jsir parkeġġ
taħt l-art fil-Ħamrun sabiex tittaffa ftit il-problema
tal-parkeġġ. Is-sit li ġie identifikat bħala wieħed ideali
għal dan it-tip ta’ proġett kien dak magħruf aħjar bħala s-Suq
l-Antik li jinsab fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh. Ma dan
il-proġett il-Kunsill Lokali Ħamrun daħal għal proġett ieħor,
proġett ta’ bini ta’ uffiċini amministrattivi ġodda
għall-Kunsill u ġnien li se jkunu kollha fl-istess sit.
Il-valur ta’ dan il-proġett huwa stmat li jlaħħaq
€1,346,000.00. Il-parkeġġ li ser ikun amministrat mill-Kunsill
ser ikun fih mal-160 post u d-dħul minn dan il-parkeġġ ser
imur għall-Kunsill biex jitħallas is-self li jkun ħa biex
isir dan il-proġett. L-uffiċini amministrattivi ser ikunu
aċċessibbli minn żewġ toroq, minn Triq Duka ta’ Edinburgh
fejn ser ikun hemm ġnien mill-isbaħ u wkoll minn Triq San
Vinċenz. Dan il-bini ser jkun jikkonsisti f’ sala
tal-komunita’ u uffiċini li ser ikunu mgħammra b’sistema ta’
energy saving. B’dan il-proġett il-Kunsill ser ikun qed
jiffranka eluf kbar ta’ liri f’kera li għandu bħalissa li
l’quddiem se jkunu jistgħu jintużaw għal-ġid tal-lokalita
tagħna.
Wieħed ma jistax ma jsemmix li għalkemm l-applikazzjoni għal
dan il-proġett ġie sottomess fl-1999, il-permess finali
inħareġ wara ħafna snin ta qtigħ il-qalb u ħafna dewmien
żejjed u burokrazzija minn ċertu Dipartimenti u Awtoritajiet
tal-gvern. Wara li nħareġ il-permess mill-Mepa saru
arranġamenti biex issir id-devoluzzjoni tas-sit mill-Gvern
Ċentrali lill-Kunsill Lokali Ħamrun. L-iffirmar tal-kuntratt
tad-Devoluzzjoni sar fit-13 ta’ Frar 2008.
Il-Kunsill Lokali Ħamrun jixtieq jirringrazzja lill dawk
kollha li ħadmu bi sħiħ sabiex dan il-proġett importanti
ikun jista jseħħ, kif ukoll jixtieq jiskuża ruħu mar-residenti
tal-madwar għal-kull inkonvenjent li jista jkun hemm. |