It-Triq il-Kbira, San Ġużepp
Kif toħroġ
mill-bieb tal-bombi u tħares faċċata, tilmaħ quddiemek Triq
San Ġużepp, jew kif kienet oriġinarjament magħrufa bħala,
‘Via San Giuseppe’. Din it-triq, li ma kienet xejn għajr
daqsxejn ta’ mogħdija dejqa qalb il-għelieqi, li min-naħa
waħda tifred id-daħla ċkejkna ta’ Tal-Pieta’, u min-naħa l-oħra,
id-daħla aktarx kbira tal-Marsa, kienet biex ingħidu hekk,
l-isfog ewlieni għan-nies tal-Belt u l-Furjana li magħluqin
bejn is-swar żonqrija u formidabbli, kienu jfittxu l-kampanja
u l-beraħ li jkun qrib is-swar, biex hekk waqt xi tiġrib
malajr kemm jista’ jkun jerġgħu jirdossu fis-sigurezza ta’
djarhom. Imma l-eqreb kampanja lejhom kienet bla dubju, Via
San Ġiuseppe, jew it-triq li tagħti għall-Belt, kif kienu
jsibuha x’uhud.
Imma hawn mhux il-waqt għalissa li ngħidu fit-tul dwar it-twelid
u l-importanza kbira ta’ din it-triq li tat isemha lil dik
il-firxa kbira ta’art li kienet taqsam iż-żewġ blokki, biex
hekk pass wara pass tibqa’ sejjer sa Santa Venera, fejn
f’tarfha kont issib il-kappella ċkejkna li kienet tat isemha
lil din it-triq twila u importanti.
Casale San
Giuseppe, kif magħruf malli beda jitgħammar bin-nies, ħa l-importanza
tiegħu fuq il-mappa ta’ Malta, sewwa sew minħabba ċ-ċentralita’
ta’ din it-triq – liema mportanża għadha dgawdi sal-lum u
nittamaw li tibqa’ dgawdiha għas-snin li għad iridu jiġu
warajna.
Sa mill-bidu
tagħha, din it-triq kienet magħrufa għaċ-ċentralita’ tagħha,
u saħansitra fiha nsibu bini ta’ ċertu kalibru u importanza.
M’aħniex se noqogħdunsemmu l-bini li [a kien jezisti
fil-Blata l-Bajda, insemmu biss il-Palazz Blacas li kellu
hemm il-Balliju Blacas D’Aups, li llum insibuh magħruf bħala
l-Istitut tax-xjuħ, il-knisja ta’ Santu Nuzzu, l-Akwadott li
parti mill-Arkati jispiċċaw fiha, u biswiethom sewwa nsibu
lil Dar Iljuni li kien bena l-Gran Mastru Manoel de Vilhena,
li dawn l-aħħar tnejn illum jagħmlu ma’ Santa Venera. F’din
it-triq insibu wkoll għadd ta’ stituti tal-karita’ li llum
huma wkoll jagħmlu ma’ Santa Venera, imma li fil-bidu tagħha
kienu jagħmlu mal-Ħamrun. Imma għall-grazzja ta’ l-argument,
aħna qegħdin nieħdu Triq San Ġużepp fl-originalita’ tagħha.
Aktar ‘il fuq naraw il-palazz l-Aħmar bil-kappella ċkejkna
miegħu li llum m’għadhiex teżisti imma kienet hi li tat
isemha lit-triq kollha.
Ma’ l-iżvilupp
tal-port fil-Marsa, Casale San Giuseppe kompla kabbar
il-popolarita’ tiegħu. L-ewwelnett billi hu kien qrib il-Belt,
u t-tieni billi l-Marsa kienet għadha fil-bidu tagħha u fl-istess
waqt, għalkemm sar minn kollox biex in-nies tersaq ‘il hemm,
Casale San Giuseppe, li issa beda jissejjaħ il-Ħamrun, rebaħ
bil-popolarita’ li kellu.
Maż-żmien, Via
San Giuseppe, minn trejqa qalb il-g]elieqi, twessgħet sewwa
biex saret waħda mill-aktar toroq wesgħin għal dak iż-żmien.
‘Triq Irjali’, kif saret magħrufa wara, ħadet xejra
kummerċjali ta’ fibra qawwija. Bdiet b’għadd ta’ azjendi
kbar fil-bidu ta’ dan is-seklu bħal ma hi dik taċ-Ċisk,
il-fabbrika tal-Għaġin, tal-manifattura tal-Mirja u Ħġieġ,
ta’ Colombos tas-Sigaretti, tal-Għamara u anki tal-Luminata.
Sa minn żmien żemżem kien hemm ċinematografi u talksijiet,
każini tal-banda sbieħ u kbar, u mkejjen oħra ta’
rikreazzjoni.
Biex
igħaqqadha ma’ Santa Venera, minn ġo fiha kien igħaddi
t-tram u meta dan għadda żmienu, tfaċċaw il-karożżi
tal-linja. Issa triq San Ġużepp ma kien jonqosa xejn –
kienet qed dgawdi mill-frott taċ-ċentralita’ tagħha, u
magħha l-Ħamrun kollu.
Minn triq
residenżjali, gradatament bdiet issir kummerċjali, u anki fi
żmienna qegħdin naraw li kull bieb jinfetaħ, jitkabbar u
jsir ħanut. Qegħdin naraw azjendi kbar jiġu jinvestu fit-triq
tagħha u jiftħu hawn ħwienet ta’ lussu li tassew jagħmlulna
unur. Bis-saħħa tagħhom din it-triq kompliet żiedet
il-popolarita’ tagħha u saret tħabbatha ma’ l-aqwa ċentru
kummerċjali ta’ gżiritna.
Għalhekk
nifhem li kull ma jsir għall-[id u s-sbuħija ta’ din it-triq
għandu jsir fid-dawl tad-djalogu ma’ dawn in-nies li taw l-energija
kollha tagħhom, l-investimenti kollha tagħhom, u s-sagrifiċċji
kollha li setgħu taw, biex bis-saħħa ta’ din il-kapaċita’,
it-triq tagħna San Ġużepp li aħna l-Ħamrunizi tant aħna
kburin biha, tkompli sejra fit-triq tal-proġress li qabdet.
U sewwa sew l-għan tal-Kunsilli huwa li jkomplu jsebbħu dak
li ġa huwa sabiħ u jkattru dak li ġa huwa kbir u ta’ ġieh. |