|
Għal min huma imsemmija it-toroq tal-Ħamrun
Abela Karmenu: Dan kien wieħed mill-vittmi tas-7
Giugno (1919), kif aħna mdorrijin ngħidu. Dak iż-żmien
kollox kien bit-Taljan. Kien mill-Belt u kellu 25 sena meta
nqatel mis-suldati Inglizi meta l-Maltin irvellaw minħabba
l-ogħli tal-ħajja li l-poplu ma setax ilaħħaq magħha. Lil
dan Abela rawh jieħu parti attiva fl-irvellijiet li saru fi
Strada Forni.
Abela Scolaro Joseph: Dan kien surmast tal-banda
kapaċi tassew. Ħalla ħafna xogħlijiet tiegħu f’diversi
każini fejn kien inkarigat, imma naħseb li l-aktar
xogħlijiet tiegħu huma fil-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu.
Twieled il-Ħamrun fl-1912 u miet fl-1979. Kien bniedem
fabbli u umli għall-aħħar.
Attard Manwel: Kien vittma ieħor tas-7 Giugno u kellu
27 sena. Kien parrukkier min tas-Sliema u jingħad li ma
għamel xejn. Imma meta tkun fil-folla, stenna li tlaqqat xi
ħaga. U dan miskien laqqat ħajtu.
Attard Willie: Surmast ieħor li ma jagħmilx għajb lil
dak ta’ qablu. Kien fis-servizz u dejjem lest biex isellem u
jitbissem. Il-banda tas-Soċjeta’ Mużikali San Ġużepp
mexxieha tajjeb ħafna. Kien surmast li ħalla ħafna mużika ta’
min jiftaħar biha lis-soċjeta li kien jirrapreżenta. Twieled
il-Ħamrun fl-1901 u miet fl-1970.
Bajada Ġuże: Vittma ieħor tas-7 Giugno. Kellu 34 sena.
Kien mix-Xagħra, Għawdex li kien ġie Malta biex jagħmel
passaport biex imur l-Amerka. Jingħad li nlaqat mill-bullets
tas-suldati Inglizi, imma kien hemm min rah bil-bandiera
Maltija f’idejh.
Ġiovanni Barbara: Kien arkitet ta’ l-Ordni
Ġerusalmitan. Kien baqa’ mfaħħar għall-mina li bena taħt is-sur
imsejjaħ ta’ L-Imsida. Mina mibruma li min jifhem igħid li
hija ftit diffiċli biex issir. Għadna nistgħu narawha fejn
hemm il-gardjola fuq Sammizun, ftit minnha imġarraf
bil-gwerra.
Barth Ġiuseppe: Tabib tal-għajnejn magħruf anki barra minn
Malta. Kien tabib ta’ l-Imperatur Ġiuseppe 2 ta’ l-Awstralja.
Ġie ddekorat minnu bl-ogħla unuri. Twieled fl-1745 u miet fi
Vjenna fl-1818 fejn hu midfun.
Bonnici Francesco, Mons: Twieled l-Isla u miet
fl-1905. Saċerdot ħabrieki u devot. Waqqaf l-Istitut ta’ San
Ġużepp f’Santa Venera. Kien sar kanonku tal-Katidral u kien
ukoll professor fil-letteratura.
Borg Ċensu: Haddiem bi bżonnijiet speċjali. Kien għalliem
fl-iskejjel tal-Gvern li kien marad bil-polio.
Borg Eugenio: Dan kien wieħed mill-ewlenin membri tal
MUSEUM u kien il-fiduċjarju ta’ San Ġorġ Preca. Dan Ġenju,
kif kienu jsejħulu l-imseħbin, kien bniedem qaddis li mexa
fedelment fuq il-passi ta’ San Ġorġ Preca, li bħalu jixraqlu
li jkun fuq siġġu ħdejh. Twieled l-Isla fl-1886 u miet
fl-1967. Tressaq il-każ għall-beatifikazzjoni tiegħu.
Bugeja Ċensu Markiż: Twieled fl-1820 u miet fl-1890.
sar sinjur permezz tan-negozju u l-logħob ta’ l-azzard.
Flusu ħaddimhom għal skop filantropiku. Biż-żejjed insemmu
ż-żewġ edifi`ji li bena f’Santa Venera, wieħed għaż-żamma ta’
bniet orfni u l-ieħor għat-tagħlim tas-snajja. Minbarra dan
ta somom kbar ta’ flus għall-karita. Il-Papa Ljun 12 ħatru
bħala Markiż, u ng]ata wkoll it-titlu ta’ Kavallier fl-Ordni
ta’ San Mikiel u San Ġorġ mir-Rġgina Vittorja.
Burlo Pawlu: Raġel twajjeb li għamel ħafna ġid. Kien
promotur tal-kappella tal-Kunċiżżjoni li kien hemm fi Strada
Duluri li wara ħarġet minnha il-knisja parrokkjali
tal-Kunċiżżjoni. Bdieha fid-dar tiegħu li kellu fi Triq
Vitale.
Buttiegieg Anton: Avukat, politiku, poeta. Twieled
il-Qala, Għawdex fl-1912 u miet fl-1983. Kien Ministru
tal-Ġustizzja fi żmien il-Partit Laburista u okkupa diversi
karigi. Imma l-aktar waħda importanti kienet meta nħatar
President tar-Repubblika ta’ Malta fl-1976-1981. Kien
president tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu sa ma miet.
Byron George, Lord: Poeta Ingliż, li għamel isem kbir
f’dan il-qasam u għamel żmien kien jogħqod f’Malta u meta
kien hawn kiser saqajh. Dan ġara fl-ewwel żminijiet ta’ l-Ingliżi
f’Malta. Għal Malta ma tantx kellu kliem ta’ tifħir u lil
Malta sejħilha ‘the island of steps, bells and smells’.
Camillieri, Dun Frans: Saċerdot, poeta, għalliem. Dun
Frans, kif kien magħruf l-aktar, kien poeta magħruf. Kien
għalliem tal-Malti u kiteb ruxxmati innijiet lil diversi
baned f’Malta. Naħseb li ma hawnx belt jew raħal f’Malta li
m’għandux innu mingħandu. Huwa kiteb ‘il fuq minn 300 innu.
Twieled il-Marsa fl-1919 u miet fl-1990. Kien direttur
spiritwali tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u ta’ xi
għaqdiet fil-Ħamrun. Lil Dun Frans kien ma]bub minn kulħadd.
Camillieri Giuseppe Maria: Avukat u politiku. Kien
joħroġ mal-Partit Nazzjonalista u dejjem irnexxielu jitla’
fl-elezzjoni. Twieled f’Victoria, Għawdex fl-1915 u miet
fl-1989. Kien sar Ministru ta’ l-Emigrazzjoni u Ministru
tal-Kummerċ.
Caruana Demajo Tomaso: Avukat, politiku. Twieled
il-Ħamrun, u kien Ministru tal-Ġustizzja fi ħdan il-Partit
Nazzjonalista. Qeda diversi karigi, sa ma miet fl-Ingilterra
fejn kien mar biex jara partita football. Kellu personalita’
tajba ħafna u kien influwenti mal-kostitwenti tiegħu.
Chircop Oreste: Bin il-Ħamrun, twieled fl-1923 u miet
fl-1998. Tenur ta’ ħila li għamel isem anki barra min Malta.
Kellu vuċi li mill-ewwel tiġbdek hekk kif tismagħha. Kien
ħadem il-film ‘The Vagabond King’ li ġieblu suċċess. Oreste
tista’ tgħid li kanta fl-opri kollha li nwerew fit-teatri
tagħna. Ma kienx tifel kburi, imma umli ħafna. Irtira kmieni
mill-kant u għex ħajja kwieta kif kien in-natural tiegħu.
Is-Soċjeta ta’ l-Arti u Manifattura għarfet il-ħila tiegħu
b’dekorazzjoni.
Cilia Indri: Trejdunjonista. Twieled fl-1905 u miet
fl-1981. Kien wieħed mill-bidu li waqqaf il-Ġeneral Workers
Union u ħadem bis-sħiħ biex jara l-ħaddiem wieqaf fuq
pedestal. Hu sieħeb mal-promotur sieħbu Reggie Miller fit-twaqqif
ta’ din is-soċjeta.
Cordina Perez Enerico, Mons: Kien bin il-Ħamrun.
Twieled fl-1895 u miet fl-1956. Kien kappillan fil-Ħamrun.
Fi żmienu waqqaf l-Istitut Marija Regina tal-Qlub, li ġabar
fih bosta nisa bi problemi. Fi żmien kien għamel il-koppla
li kien jingħad li ma setgħetx issir. Ftit qabel miet
inħatar Monsinjur.
Cremona Danny: Politiku. Twieled il-Belt fl-1924 u
miet fl-1982. Kien sar segretarju ġenerali fil-M.L.P. u
president tal-G.W.U. Huwa okkupa diversi karigi u nħatar
Ministru ta’ l-Agrikultura u anki Ministru tat-Turiżmu.
Debattista Pawlu: Twieled fl-1911 u miet fl-1985.
Kien il-fundattur tal-Kunsill Ċiviku u qabel it-twaqqif
tal-Kunsill Lokali, dan kien l-ekwivalenti tiegħu. Bis-saħħa
tiegħu saru xi xogħlijiet fil-Ħamrun. Debattista kien biex
ingħidu hekk, imdaħħal f’kull kumitat li twaqqaf fil-lokal.
Debattista Roger: Roger Debattista PC 525 kien
Pulizija mill-Ħamrun, u nqatel nhar it-12 ta’ Novembru 2001
waqt hold up li sar fil-Bank of Valletta ta’ Hal Qormi.
Depiro Giuseppe, Mons: Twieled l-Imdina fl-1977 u
miet fl-1933 nhar id-Duluri fil-knisja ta’ San Gejtanu l-Ħamrun.
Huwa kien fundattur tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl.
Bin in-Nobbli Alessandro Depiro D’Amico.
Diegu. Fra: Twieled bħala Bonanno il-Belt Valletta
fl-1831 u miet il-Ħamrun fl-1902. L-istitut li jinsab
f’Villambrosa jixhed il-qalb kbira u ħanina li kellu dan
ir-raġel qaddis m’hux dikjarat. L-istitut kien bnihulu l-Markiż
Scicluna biex fih iżomm tfajliet iltiema jew ta’ familji
mfarrkin.
Dyer Wenzu: Żagħżugħ mill-Birgu li hu wkoll kien vittma
tas-7 Giugno. Kellu 21 sena u ma kien qiegħed jagħmel ebda
ħsara meta nlaqat mill-‘bullets’ spratati minn azzarini
Ingliżi. Dan kien ir-raba’ vittma ta dan l-irvell.
Edinburgh: Duka ta’ Edinburgh. Dan hu titlu li milli
jidher jintiret. Fil-fatt anki Prince Philip għandu dan it-titlu,
imma triq li aħna għandna b’dan it-titlu ilha teżisti ħafna
qabel il-gwerra. Il-possibilita’ hi li l-isem qieg]ed
jirreferi għal meta r-Re Dwardu 7 kien għadu jissejjaħ hekk.
Il-Ħamrun aħna nsejħula wkoll bħala t-triq tas-Suq.
Gafa: Ma nafx għal min qiegħed jalludi dan il-kunjom.
Bħalissa qegħdin jiġuni quddiem għajnejja żewġ aħwa tassew
illustri, imma ma naħsibx li qatt kellhom xi konnessjoni
mal-Ħamrun. Dawn huma Melkiorre u Lorenzo. Wieħed kien
skultur gwapp u l-ieħor arkitett ta’ ħila kbira. Dawn għexu
fi żmien l-ordni.
Gasan Giuseppe: Neguzjant. Twieled fl-1891 u miet
fl-1976. Beda bħala impjegat u spiċċa wieħed mill-akbar
neguzjanti f’Malta. Daqs ħamsin sena ilu kellu l-linja
tal-karozzi tal-linja ta’ Ta’ Sliema tiegħu. In-negozju
tiegħu kienu fil-karrozzi u fil-fatt hu kien wieħed mill-akbar
importaturi tal-karozzi.
Lentini Turu: Kien bin il-Ħamrun, imwieled fl-1923 u
miet fl-1986. Kien Referee tajjeb li rreffja logħbiet mill-aqwa.
F’li sports huwa okkupa bosta karigi importanti għal bosta
snin.
Magri Manwel, Patri: Arkeologu u folklorista. Ħafna
mit-tagħrif li nafu, nafuh lilu. Twieled Għawdex fl-1951 u
miet fl-1907. Kien Ġiżwita ta’ ħila li lilu ġew fdati ħafna
xogħlijiet arkeolo[i`i. Miet għal għarrieda bla ma laħaq
irraporta bil-miktub l-aħħar sejbiet tiegħu.
Maitland Thomas: Sir Thomas Maitland kien l-ewwel
Gvernatur ta’ Malta. Laħaq fil-15 ta’ Ottubru, 1813 u miet
fis-17 ta’ Jannar, 1824. Ir-rappreżentanti tal-Gvern kienu
kollha jissejhu Kummissarji.
Mallia Wenzu : Attivista fil-Malta Labour Party.
Mifsud Bonnici Wenzinu: Tabib tal-familja li kważi
daħal f’kull dar fil-Ħamrun. Bniedem ġentili ħafna u wettaq
ħafna karitajiet. Rabba familja li kellu biex jiftaħar biha
għal tjubithom. Hu twieled Bormla.
Mifsud Gejt: Dun Kappillan ieħor li mexxa l-parroċċa
tagħna bejn l-1920 u l-1933. Fi żmien dan il-kappillan,
il-knisja tagħna ġiet konsagrata u hija l-unika knisja
konsagrata f’jum il-konsagrazzjoni tal-knejjes kollha,
jiġifieri fis-26 ta’ Settembru, 1930. Ħafna xogħol ta’
skultura. Invjar tal-ġebla minn ġewwa u statwi u xi pittura
kollha saru fi żmienu.
Mountbatten Louis: Lord. Kien mill-familja Reali
Ġermaniża ta’ Battenburg. Imma minħabba raġunijiet politiċi,
dan il-kunjom inbidel għal dak ekwivalenti tiegħu,
Mountbatten. Dan ir-raġel okkupa diversi karigi għoljin u
kellu konnessjoni kbira ma’ Malta meta nħattar Ammirall u
kellu d-dar tiegħu fi Gwardamanga. Spiċċa maqtul b’bomba li
twaħħlet mal-motorboat tiegħu.
Muscat Giuseppe: Dun. Kappillan ieħor fil-parroċċa
tagħna li kien mir-Rabat, mexxa l-knisja bejn l-1897 u
l-1928. Fi żmienu saru l-paviment tal-knisja, linef, l-orgni,
l-apparat tar-rakkmu bid-deheb u bosta xogħlijiet oħra.
Nuzzo Enrico: Kien raġel ġeneruż ħafna . Bis-saħħa
tiegħu twaqqaf l-Istitut ta’ Ulied il-Qalb ta’ Ġesu u għadna
sa illum insejħulhom bħala s-Sorijiet ta’ Nuzzo. Huwa
rrakomanda lill-kuġintu Maria Tereża sabiex tieħu ħsieb din
il-miġemg]a ta’ tfajliet.
Pace Ġuże: Avukat, politiku. Kien bniedem sinjur u bi
flusu għamel ħafna karitajiet. Kien żviluppatur ta’ l-artijiet
u saħansitra Paceville hija msemmija għalih. Twieled il-Belt
fl-1890 u miet fl-1974.
Pace Forno Gaetano: Isqof ta’ Malta. Twieled Għawdex
fl-1809 u miet fl-1974. Kien Patri Agostinjan li wara laħaq
Isqof ta’ Malta. Huwa kien li ħeġġe[ biex tinbena l-knisja
ta’ San Gejtanu, tal-Ħamrun u bis-saħħa tiegħu saru xi
benifikati.
Preca Ġorġ, Mons.: Twieled il-Belt fl-1880 u miet
fl-1962. Kien il-fundattur tas-Soċjeta Museum. Għalkemm
twieled il-Belt, sa minn tfulitu għex il-Ħamrun. Huwa l-ewwel
Qaddis Malti.
Saliba Pawlu: Attur ta’ ċertu kalibru. Kien biex ingħidu
hekk l-attur prinċipali tal-kumpanija teatrali l-Indipendenza.
Twieled il-Belt fl-1865 u miet fl-1949. Il-palk kien
il-ħajja tiegħu.
Xuereb Pietru: Ma nafux min hu dan il-persunaġġ li
ssemiet triq għalih in-naħa tal-Liċeo.
Zammit Giuseppe: Kien saċerdot brillanti għal-latin.
Infatti kien latinista gwapp. Għal xi raġuni kienu laqqmuh
Brighella. Twieled il-Belt fl-1802 u miet fl-1890. Kien
poeta, teologu, awtur issieħeb mal-komunita’ tal-Ġiżwiti u
jinsab midfun fil-knisja ta’ Santa Liena. Birkirkara.
Zammit Oscar: Tabib. Huwa kien professur tal-qbiela u
gineokoloġija. Huwa twieled il-Belt Valletta fl-1911 u miet
fl-1963.
Scerri Melintone: Twieled tas-Sliema u miet ta’ 94
sena fl-1982. L-Azzjoni Kattolika daħlet il-Ħamrun bis-saħħa
tiegħu. Kien raġel ta’ qdusija u għex biex jiġbor mit-toroq
iż-żgħażagħ li jsib. Il-ħidma tiegħu bdieha fil-Museum. Il-kariżma
li kellu maż-żgħażagħ dehret fid-djar li kera sakemm fl-aħħar
sab id-dar li għad hemm fi Triq Irjali.
Schembri Ġuże: Kellu magna tal-għaġin fil-Blata l-Bajda.
Kien raġel għani bil-bosta, bniedem ta’ qalb kbira u
karitattiv. Kien neguzjant gwapp, imma hej, flusu ma kinux
tiegħu, kien min dawk li jgħidulu, flusu tan-nies. Tela’
fil-parlament fi żmien Boffa u kulħadd kien iħobbu. Kien
daħal biex iqajjem l-opra fir-Radio City u kien rawwem ħafna
kantanti. Ġab anki artisti ċelebri mill-Italja. Jingħad li
wara kien kważi falla.
Sciberras Joseph: Spiżjar u politiku. Twieled San
Pawl il-Baħar fl-1940 u miet fl-1987. Huwa tela’
fil-parlament f’isem il-Malta Labour Party u ħa sehem
f’diversi delegazzjonijiet. Kien inħatar Segretarju
Parlamentari fl-1986.
Valletta Furtunato: Dun Kappillan. Kien l-ewwel
Kappillan li mexxa l-parroċċa tagħna bejn l-1881 u l-1895, u
ġustament li kien jixraqlu li jieħu din il-kariga. Huwa
ħadem bis-sħiħ biex tinbena l-knisja parrokkjali ta’ San
Gejtanu u jingħad li anki kien igħin lill-ħaddiema jġorr
il-ġebel. Imma qabel ma sar kappillan, kien Vigarju Kurat.
Vassalli Mikiel Anton: Twieled fl-1964 u miet fl-1829
f’Haż-Żebbuġ. Ma naħsibx li hawn xi Malti li qatt ma sema
bih. Dan ir-raġel kien vittma taċ-ċirkostanzi, l-injoranza u
l-politika ta’ dak iż-żmien. Ried jara Malta ġdida, imma
għarralu għax ħabat difrejh ma’ l-awtorita’ tal-knisja u
tal-Gvern Ingliż. Spiċċa eżiljat minn Malta. Hu u l-familja
tiegħu batew il-ġuħ u l-għajb. Ħallielna monumenti ta’
tagħlim u ddefenda l-ilsien Malti bl-akbar ħila. Għalhekk
illum qeg]din jiddefinuh bħala: ‘missier l-ilsien Malti.’
Vella Edgar: Saċerdot li kien hu l-promotur
għall-bini tal-Knisja tal-Kunċiżżjoni tal-Ħamrun. Kien
iħabbat bieb bieb b’pitazz f’idu biex iniżżel lil min tah
żewġ soldi fil-ġimgħa. Kien ukoll iġorr il-ġebel u kemm-il
darba daħħal idejh il-but tal-familja biex iħallas
il-kontijiet u meta wasl fi tmiem il-bini tal-knisja, miet.
Vitale Emanuel: Twieled ir-Rabat fl-1958 u miet
fl-1802. Kien Nutar bħal missieru u kellu sehem kbir fl-invażjoni
tal-Franċiżi fuq Malta. Iddefenda bis-sħiħ il-prinċipji
nsara meta riedu jisirqu l-knisja Maltija u qajem irvell
kontra tagħhom. |
|
|